Il-gawwi fl-Iskozja sar periklu għall-pustiera

Xi djar fi triq fl-Iskozja issa ilhom ġimgħat ma jirċievu posta d-dar tagħhom għaliex il-pustiera li jqassmu l-ittri qed ikunu attakkati mill-gawwi li bdew ibejtu fuq il-bjut. Ir-Royal Mail ikkonfermat li l-pustiera tweġġgħu meta kienu attakkati minn dawn l-għasafar u għalhekk taw permess lill-pustiera biex ma jersqux lejn dik it-triq.

David McArthur, ta’ 27 sena u Shona Penfold, 29, it-tnejn għalliema li jgħixu f’dik it-triq f’Durbartonshire, ilmentaw li nsew meta l-aħħar irċevew xi ittri u raw pustiera fit-triq tagħhom.

McArthur qal li pustiera minnhom qalgħet daqqa ta’ munqar minn gawwija waqt li ieħor lewa saqajh u weġġa’ sew meta kien qed jiġri biex ma jweġġgħuhx l-għasafar.

“Kien hemm ġranet,” kompla jgħid, “li l-pustier baqa’ fil-vann u daqq il-ħorn biex noħorġu u niġbru l-Posta mingħandu. Kien qed jibża’ joħroġ mill-vann.”

Esperti fl-imġiba tal-għasafar qalu li r-rapporti dwar l-attakki mill-għasafar jiżdiedu bejn l-aħħar ta’  Mejju u Awwissu meta jitwildulhom il-flieles. Xi tipi ta’ gawwi qed jersqu aktar lejn l-ibliet peress li l-ambjent fejn is-soltu jbejtu qed jittiekel ftit ftit mill-bini li jitla’ f’dawk il-postijiet. Għalhekk xi gawwi qed jagħmel il-bejta tiegħu fuq il-bjut għolja tad-djar u jieklu dak li jsibu minn wara l-bieb tan-nies.

Il-pub The Old School House f’Aberdeen iddeċieda li jieħu l-offensiva kontra l-gawwi.  Qed jagħti pistoli mimlijin bl-ilma biex meta l-klijenti tiegħu jkunu attakkati mill-għasafar jisparawlhom bihom u jgerrxuhom.