“Il-gass qattiel kien se jintuża fl-Iraq” – ir-Russja

Ir-Russja qalet li l-gass kimiku li qatel għexieren ta’ persuni, fosthom tfal, fil-belt ta’ Idlib fis-Sirja, oriġina minn armi miżmuma fuq l-art mir-ribelli Sirjani.
L-attakk seħħ ilbieraħ fil-villaġġ ta’ Khan Sheikhoun fil-provinċja ta’ idlib, li sa issa huwa taħt idejn ir-ribelli li qed jiġġieldu kontra l-Gvern Sirjan u l-forzi mir-Russja.
Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża Russa kkonferma li ajruplani Sirjani attakkaw il-villaġġ li fih allegatament kienu qed jiġu mmanifatturati armi kimiċi biex jintużaw fl-Iraq.
L-Istati Uniti kienu fost l-ewwel li weħħlu fil-Gvern Sirjan, immexxi mir-reġim ta’ Bashar al-Assad, li waddab l-armi kimiċi. Min-naħa tiegħu, al-Assad xejjen dawn l-allegazzjonijiet.
Anki s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Boris Johnson, ikkummenta dwar dak li qalet ir-Russja billi qal li skontu, il-fatti juru li l-attakk seħħ mill-Gvern Sirjan fuq niesu stess.
L-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem, għaqda bbażata fir-Renju Unit, irrimarkat li sa issa hemm 72 mejta, 20 minnhom tfal.