Il-gass għall-power station ġdida f’Delimara se jasal mill-Ażerbajġan

Il-fondi meħtieġa biex issir il-power station il-ġdida f’Delimara se jaslu minn tliet banek barranin.
Dawn huma l-BNP Paribas, l-HSBC u l-bank Ġermaniż għall-investimenti, KfW.
Dan l-investiment, li se jara l-qalba mill-heavy fuel oil għall-gass LNG, mistenni li jlaħħaq it-€370 miljun.
Fil-ġranet li għaddew, Newsbook.com.mt irrapporta kif inġiniera barranin mill-kumpanija Gasol se jaslu Malta biex jispezzjonaw mill-qrib ix-xogħlijiet ta’ skavar f’Delimara fejn se tinbena l-power station il-ġdida.
Gasol hija parti mill-konsorzju li jopera il-kumpanija Electrogas Malta, li se tkun responsabbli mill-bini u l-operat tal-power station ta’ 200MW bil-gass LNG.
L-aħbar li dawn ix-xogħlijiet kienu bdew ingħatat waqt il-Konferenza Ewropej dwar l-Enerġija li saret f’Malta.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-gass, li se jinżamm fil-floating terminal fil-port ta’ Marsaxlokk se jasal Malta mill-Ażerbajġan.
Il-kumpanija mill-Ażerbajġan, SOCAR se tkun is-sid ewlieni ta’ dan il-floating terminal u għalhekk il-gass meħtieġ biex iħaddem il-power station se jasal minn dan il-pajjiż.
SOCAR se tkun ukoll is-sid ta' 20% tal-ishma tal-power station il-ġdida.
Il-ftehim bejn SOCAR mal-kumplament tal-konsorzju u l-Korporazzjoni Enemalta huwa li tibni, tkun is-sid tal-floating terminal imma fl-istess ħin tħaddem l-impjant f’Delimara.