“Il-garaxxijiet għall-karozzi, mhux għan-nies” – Miceli

Charles Miceli, Ċerpersin tal-Alleanza Kontra l-Faqar, jemmen li għandu jkun hawn segretarju parlamentari għall-akkomodazzjoni kollha, u mhux biss għal dik soċjali, sabiex ikollu s-setgħa jirregolarizza l-kirjiet kollha, u mhux dawk ta’ natura soċjali biss.
Huwa u jintervjeni waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Miceli rrefera għall-każijiet riċenti ta’ persuni li jgħixu f’garaxx għax ma jifilħux iħallsu l-kera.
Sostna li garaxx ismu miegħu, u tajjeb għall-karozzi u mhux għan-nies, anki jekk f’dawn il-garaxxijiet wieħed jista’ jsib tojlit u banju.
Dwar segretarju parlamentari li jkun jieħu ħsieb it-tipi ta’ akkomodazzjonijiet, Miceli qal li din tista’ tkun waħda mis-soluzzjonijiet sabiex il-Gvern jidħol hu u jirregolarizza l-kirjiet, xi ħaġa li l-Alleanza Kontra l-Faqar ilha tagħfas fuqha.
Biex ifiehem dal-kunċett, Miceli qal li l-Ministru għax-Xogħol mhux qiegħed hemm biss biex jittratta l-qasam tax-xogħol soċjali.
F’kummenti separati lil Newsbook.com.mt, Miceli qal li meta segretarju parlamentari jagħti kas biss tal-akkomodazzjoni soċjali, mela mhux qed jara l-istampa kollha ta’ dan ix-xenarju u għaliex il-pressjoni għall-akkomodazzjoni soċjali dejjem tiżdied.
Sostna li jekk ma jkunx hemm regolarizzazzjoni mill-Gvern fis-settur tal-kirjiet, se jikbru l-problemi u għalhekk jiżdiedu n-nies jitolbu l-akkomodazzjoni soċjali.
Ftit sigħat wara l-baġit tas-sena li għaddiet, l-alleanza kienet tkellmet dwar il-ħtieġa li l-Gvern jintervjeni fis-settur tal-kirjiet, wara li dan tal-aħħar kien qal li mhux se jkun hemm indħil fil-kirjiet min-naħa tiegħu.
Madankollu l-Gvern fil-baġit kien wiegħed white paper bi proposti dwar emendi fil-liġi tal-kera.
Miceli qal waqt il-programm Follow Up li l-white paper mistennija toħroġ kmieni dis-sena, u rringrazzja lit-tim li qed jaħdem fuqha, li ddeksrivieh bħala tim tajjeb.
F'Ottubru li għadda l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja kienet qalet ukoll li l-akkomodazzjoni soċjali mhijiex is-soluzzjoni għall-prezzijiet tal-kera.
Assessjar riġidu tal-akkomodazzjonijiet soċjali
Għalkemm Miceli rrimarka li huwa pożittiv li l-politiċi qed jiċċaqalqu, anki minħabba ż-żieda fil-paga minima, enfasizza li jrid ukoll ikun hemm assessjar riġidu fl-akkomodazzjoni soċjali.
Sostna li mhux sew li jkun hemm min ma jkunx aktar ħaqqu li jibqa’ jgħix f’akkomodazzjoni soċjali għax ikun tejjeb il-qagħda tiegħu biż-żmien.
Barra minn hekk, Miceli insista li jkun hemm ristrutturar sħiħ tal-akkomodazzjoni soċjali.
Temm jgħid li l-akkomodazzjoni, jiġifieri li wieħed ikollu saqaf fuq rasu, hi dritt universali, u mhux kapriċċ.