Il-garaxx tal-ambulanzi “jieħu r-ruħ”

Wara numru ta’ ġimgħat, il-garaxx tal-ambulanzi jidher li reġa’ kiseb is-serenità hekk kif direttur tar-riżorsi umani ġiet assenjata biex tieħu ħsieb il-ħaddiema minflok il-maniġer li allegatament kien qed joħloq il-problemi fil-garaxx.
Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi qrib il-garaxx Mater Dei li saħqu li fil-ftit jiem li ilha li ħadet f’idejha d-direttur, il-ħaddiema diġa urew li qegħdin aktar kuntenti u saħansitra tkellmu mal-unjin sabiex jitwaqqaw xi direttivi.
Is-sorsi sostnew li f’anqas minn 24 siegħa minn x’ħin bdiet tieħu ħsieb il-garaxx tal-ambulanzi, id-direttur għamlet mezz u ġabet xkupi tal-ħasil u sapun, li kienu l-għodda neċessarji li l-ħaddiema kienu ilhom jitolbu għalihom sabiex jaħslu l-ambulanzi.
B’din l-azzjoni, is-sorsi qalu li fi ftit jiem waqgħet id-direttiva li kienet qed iżżommhom milli jaħslu l-ambulanzi.
Is-sorsi stqarru li jidher ċar li l-ħaddiema jridu jaħdmu u jikkoperaw ma’ min verament irid jaħdem magħhom.
Mas-sorsi kien ikkonfermat ukoll li d-direttur qed taħdem sabiex jintlaħaq ftehim dwar id-direttivi l-oħra li jgħidu li m’għandu jsir l-ebda tip ta’ trasport lura bl-ambulanzi lejn djar privati, sptarijiet u djar tal-anzjani u li s-servizz tal-ambulanzi mill-Mosta jieqaf fis-6pm.
Fid-9 ta’ Marzu ix-xufiera tal-ambulanzi ħarġitilhom ordni biex ma jeħdux ordnijiet mingħand wieħed mill-maniġers tal-garaxx tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei.
Dan minħabba li fil-ġimgħat ta’ qabel, ħarġu xi allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ poter min-naħa ta’ maniġer partikolari tal-garaxx tal-ambulanzi. Sorsi kienu spjegaw ma’ Newsbook.com.mt, li l-garaxx jinsab fi stat agħar minn qatt qabel, b’bosta nies qed jirreżenjaw qabel ma jkun għalqilhom il-kuntratt tax-xogħol.