Il-Ġappun jipprojbixxi d-dħul ta’ ċittadini barranin

REUTERS/Issei Kato

Il-Ġappun se jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex iwaqqaf il-firxa tal-coronavirus bil-projbizzjoni tad-dħul ta’ ċittadini barranin li qed jivvjaġġaw mill-Istati Uniti, miċ-Ċina, mill-Korea t’Isfel u l-parti kbira mill-Ewropa – dan ġie rrappurtat nhar it-Tnejn fil-gazzetta Asahi.

Id-dħul ta’ ċittadini li mhumiex Ġappuniżi li kienu f’xi waħda minn dawn iż-żoni f’dawn l-aħħar ġimgħatejn se jkun ipprojbit, qalet il-gazzetta. Tokyo jista’ wkoll jipprojbixxi l-ivjaġġar minn u lejn ċerti pajjiżi fix-xlokk tal-Asja u l-Afrika, skont sorsi tal-gvern mhux identifikati.

Bħalissa, il-Ġappun qed jipprojbixxi biss id-dħul ta’ ċittadini minn xi partijiet tal-Korea t’Isfel, iċ-Ċina kif ukoll diversi pajjiżi Ewropej, b’talba ta’ kwarantina individwali ta’ ġimgħatejn għal dawk li jaslu mill-Istati Uniti, miċ-Ċina u mill-Korea t’Isfel.

Lockdown fil-Ġappun huwa differenti minn miżuri mandatorji imposti f’ċerti partijiet tal-Ewropa u l-Istati Uniti: bil-liġi, l-awtoritajiet lokali jistgħu joħorġu biss talbiet għall-persuni biex jibqgħu fi djarhom li mhumiex mandatorji legalment.

Imma diversi analisti qalu li dan il-pass jista’ jikkawża dannu kbir fuq ekonomija li diġà tinsab viċin ħafna ta’ reċessjoni minħabba t-telf kbir li qed jirriżulta mill-pandemija, li xekklet il-pjanijiet ta’ Tokyo għal-Logħob Olimpiku fis-sajf li ġej, kissret ktajjen tal-provvista, u kkawżat tnaqqis fil-konsum minħabba li tħassru ħafna attivitajiet u l-għeluq ta’ ħafna ħwienet.

“Naħseb li l-possibbiltà ta’ lockdown fiż-żona metropolitana ta’ Tokyo qed jiżdied,” qal Hideo Kumano, kap ekonomista mal-istitut Dai-ichi Life Research Institute.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn