Il-Ġappun mhux se jċedi għat-terroriżmu

Il-Prim Ministru Ġappuniz Shinzo Abe kkundanna filmat li ħareġ fuq l-internet fl-aħħar sigħat, allegatament mit-terroristi tal-Istat Iżlamiku li qed jitolbu 200 miljun dollaru Amerikan fi 72 siegħa, inkella joqtlu lil żewġ ostaġġi Ġappuniżi.
Abe ħalef li jsalva liż-żewġt irġiel u li ħajjithom hi l-ogħla prijorità għal pajjiżu. Fl-istess ħin, qal li l-Ġappun mhux se jċedi għat-terroriżmu.
Analisti politiċi qed jorbtu t-talba taċ-ċifra mill-Istat Iżlamiku mad-dikjarazzjoni ta’ Abe stess ftit jiem ilu, li l-Ġappun lesta tgħin lil pajjiżi li qed jiġġieldu lill-istess militanti Iżlamiċi, b'200 miljun dollaru.
Fil-filmat, it-terrorista b’wiċċu mgħammad jindirizza direttament lill-Prim Ministru Ġappuniż u jgħidlu li la jinsab iktar minn 8,000 kilometru ‘l bogħod mill-Istat Iżlamiku ma kellux għalfejn jindaħal.
Abe bħalissa jinsab f’Ġerusalemm għal żjara ta’ sitt ijiem fil-Lvant Nofsani imma hu mistenni jirritorna pajjiżu biex jitratta din il-materja b’urġenza.