Il-Galatea Ensemble f’San Ġakbu

Bħala parti mill-Festival Feel the Magic of Classics organizzat mill-Chorus Urbanus Productions li għandu bħala direttur tiegħu li Mro Dr John Galea, nhar il-Ħadd fil-għaxija 6 ta’ Ottubru, il-Galatea Ensemble kompost minn Agnieszka u Mateusz Kuzma (vjolin), Fiona Giambra (vjolin), Akos Kertesz (cello) u Rebecca Hall (flawt) ippreżentaw kuncert mużikali fil-knisja ħelwa ta’ San Gakbu fi pjazza Indipendenza Victoria li matulu daqqew xogħlijiet ta’ Hildegard von Bingen (1098-1179), Maria Margherita Grimani (attiva bejn is-snin  1713-1718), W.M. Mozart (1759-1781), Veronique Vella u Amy Beach (1867-1944).

Il-Galatea Ensemble huwa magħmul minn solisti li jdoqqu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u jsegwixxu bosta drabi xogħlijiet ta’ kompożituri femminili kif ukoll Premieres ta’ xogħlijiet li sirna nafu bihom fi żmienna.

Dan il-grupp huwa l-ħolma tal-mużiċist u Kav Fra Richard Dival li llum m’għadux magħna u ħadu sehem fil-Valletta International Baroque Festival, The National Council of Women u f’diversi okkażjonijiet oħra mferrxa ma’ Malta li matulhom daqqew  xogħlijiet li ħarġu mill-pinna ta’ Hildegard of Bingen, Fanny Mandelssohn, Elizabeth Claude Jacquet de la Guerre u oħrajn, dejjem taħt id-direzzjoni tal-flawtista Rebecca Hall.

Għawdxin u residenti barranin  imlew il-knisja ta’ San Gakbu għal dan il-kunċert sabiħ li ħa madwar siegħa u kwart imżewwaq b’dawn is-siltiet: Three Antiphons, Sinfonia  from Pablas e Marte, Quartetin D for Flute and Strings K.285, Wens for Solo Flute, u Theme and Variations for flute and string quartet op 80.

L-appuntament li jmiss mal-Chorus Urbanus Productions huwa għal nhar il-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2019 meta l-Kor Chorus Urbanus, l-Urbanus Junior Choir u l-Urbanus Festive Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea jippreżentaw il-Kunċert tal-Milied fil-Knisja Bażilika ta’ San Gorg Victoria  fit-8.00pm.

Kulħadd mistieden u d-dħul ikun bla ħlas.  Narawkom!

Kav Joe M Attard