Il-G7 jiddiskuti l-attakki fis-Sirja

​It-taħditiet tal-grupp G7 se jkunu dominati fuq l-attakki li seħħew fis-Sirja l-ġimgħa l-oħra.
Il-G7 huwa magħmul mill-Kanada, Franza, Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.
Matul il-laqgħa l-Ministri għall-Affarijiet Barranin se jiffokaw biex joħolqu pressjoni sabiex ir-Russja żżomm ’il bogħod mill-President Sirjan Bashar al-Assad.
Huma se jitolbu wkol kjarifika min-naħa tal-Istati Uniti dwar il-politika tagħha fuq is-Sirja. Dan hekk kif is-Segretarju tal-Istati Uniti Rex Tillerson kien ikkritika bil-qawwa lir-Russja.
Ir-Russja, li hija alleata tas-Sirja, kienet akkużat lill-Istati Uniti li qed tipprovoka atti terroristiċi b’dawn l-attakki.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Rex Tillerson kien qal li huwa diżappuntat b’din ir-reazzjoni, għax tikkonferma l-appoġġ Russu lejn ir-reġim ta’ Assad.
Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi Amerikan għan-Nazzjonijiet Magħquda qalet li ma jarawx paċi fis-Sirja sakemm Assad jibqa’ bit-tmun f’idejh.
Madankollu qalet li mhix prijorità għall-Amerika li Assad jitneħħa mill-poter.