Il-futur tal-Amerika Latina hu f’idejn il-mara

Il-Papa jiltaqa’ ma membri tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina

Il-Papa Franġisku ndirizza lill-membri tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina u qalilhom li l-politika hi vokazzjoni favur il-ġid komuni. Il-vokazzjoni nisranija u partikolarment dik tal-politiċi, toħroġ mill-komunità. L-ewwel sinjal ta’ komunità hi l-ħbiberija li tikber fost il-membri. Dawn il-ħbieb isibu lil xulxin permezz tal-inkarnazzjoni ta’ Kristu, li l-Papa qal, għallimna biex nibdlu il-“Jien” ma’ l-“Aħna”.

Il-Kummissjoni żaret lill-Papa wara li temmet seminar ta’ taħriġ intensiv bit-tema “Id-Dutrina Soċjali tal-Knisja u l-Impenn Politiku fl-Amerika Latina – Għal Ġenerazzjoni Ġdida ta’ Kattoliċi għall-Politika, fl-Amerika Latina”.

Il-Papa ppreċiża li Kattoliku nvolut fil-politika ma jfissirx li tkun parti minn grupp jew organiżazzjoni. Ifisser tkun parti minn komunità.

Politika għall-ġid komuni

L-involviment politiku tan-nisrani jiġi mix-xewqa li jibni fuq il-ġid komuni. Il-Papa enfasizza dan il-punt billi kkwota lil San Oscar Romero li skont il-Papa, tkellem biex il-fidili nsara jkunu liberi.

In-nisrani nvolut fil-politika, jista’ jagħmel politika fid-dawl tal-Vanġelu u allura jassigura li huma n-nies li jkunu l-protagonisti vera tal-istejjer tagħhom infushom.

Il-Papa Franġisku enfasizza li d-dinja kollha “għaddejja minn bidla li tirrikjedi bidla fil-lingwa, fis-sinjali u fil-metodi. Hu spjega li bil-kelma bidla ma jfissirx “sempliċi biċċa għodda tas-suq” imma l-applikazzjoni ta’ dak l-istess metodu li Alla għażel għalina: l-Inkarnazzjoni.

Qal li t-tliet fatturi ewlenin li huma vitali għall-futur tal-identità tal-Amerika Latina huma: in-nisa, iż-żgħażagħ u l-foqra. Il-Papa spjega għaliex dawn it-tliet fatturi.

Il-Knisja għarusa ta’ Kristu

In-nisa, għaliex “Il-futur ta’ l-Amerika Latina għandu wiċċ ta’ mara”. Iż-żgħażagħ għaliex “fihom hemm ir-ribelljoni u non-konforiżmu li hu meħtieġ għal bidla vera”. U l-foqra għax permezz tagħhom “il-Knisja turi l-lealtà tagħha bħala l-għarusa ta’ Kristu”.

Fl-aħħarnett, kif rappurtat minn Vatican News, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-insara kollha nvoluti fil-politika biex jesprimu l-aktar ġliedet awtentiċi tagħhom, biex ikunu preżenti fil-qasam politiku u biex ma jieqfu qatt jiġġieldu għall-ġid komuni permezz tal-politika fil-forom kollha tagħha.