Il-futbol Malti se jingħata l-ġenb – MFPA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Plejers (MFPA) qalet li mingħajr programm serju ta’ żvilupp, il-proposta tal-Premiere League  Standing Committee se tkun qed taċċerta li l-klabbs ma jkollhomx għaliex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-plejers lokali u l-futbol Malti.

L-assoċjazzjoni qalet li kwalunkwe diskussjoni dwar żieda ta’ barranin għandha tieqaf b’mod immedjat u għandhom jiġu kkunsidrati l-limitu fuq plejers li ġejjin minn barra mill-Unjoni Ewropea. L-aħbar li ħarġet jumejn ilu dwar l-approvar tal-proposta biex in-numru ta’ plejers barranin f’tim jiżdiedu għal 11 minn 7, saret mill-amministrazzjoni tal-MFA u mhux mill-assoċjazzjoni.

L-argument li l-klabbs tal-futbol qed iressqu hu li biex jitneħħew il-parametri hemm bżonn ta’ kompromess f’forma ta’ żieda ta’ plejers barranin. L-assoċjazzjoni qalet li dan l-argument qed jgħid li biex wieħed jieqaf jikser il-liġi hemm bżonn li jingħatalu rigal, għaliex il-parametri huma llegali u m’għandux ikun hemm lok għal kompromessi.

F’dawn l-aħħar xhur, l-assoċjazzjoni rċeviet numru ta’ rapporti ta’ esplojtazzjoni ta’ plejers barranin. Dawn ir-rapporti kienu jinvolvu klabbs li vvutaw favur din il-proposta. L-assoċjazzjoni inkwetata wkoll li l-investiment fil-klabbs se jispiċċa fix-xejn għax il-plejers Maltin mhux se jibqgħu jingħataw daqsekk importanza la jkun hemm il-faċilita li klabb ikollu 11-il plejer barrani.