Il-futbol fis-Serie A fl-Italja se jerġa’ jibda wara 3 xhur

Il-Ministru għall-Isport fl-Italja Vincenzo Spadafora ħabbar li l-futbol tas-Serie A fil-pajjiż għandu jibda fl-20 ta’ Ġunju wara li kien ilu ma jintlagħab għal dawn l-aħħar tliet xhur minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Huwa saħaq li l-ħajja fl-Italja riesqa lura għan-normalità u għalhekk hu sewwa u xieraq li l-futbol jagħmel l-istess. Kompla jgħid li jittama li jkun qed jibgħat messaġġ pożittiv lill-pajjiż kollu billi matul il-ġimgħa mit-13 sal-20 ta’ Ġunju jikkonkludu l-logħob għat-Tazza. Il-ħsieb hu li semifinali jintlagħbu fit-13 u l-14 ta’ Ġunju waqt li l-finali tintlagħab fis-17ta’ Ġunju.

L-aħħar logħba tas-Serie A li ntlagħbet kienet bejn Sassuolo u Brescia li ntemmet 3-0 fid-9 ta’ Marzu.

Sadattant il-Premier League fl-Ingilterra se jitkompla fis-17 ta’ Ġunju waqt li l-logħob fi Spanja tal-La Lega jibda mill-ġdid fil-11 ta’ Ġunju. Fi Franza l-futbol tal-Ligue 1 għadu wieqaf u għad mhux magħruf meta se jitkompla.