Il-Furjana waqt il-COVID-19

Għadha kemm kienet pubblikata ħarġa mhux normali tal-gazzetta Il-Furjana li hi kollha kemm hi dedikata għal dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat fil-lokalita’ tal-Furjana matul l-imxija tal-Coronavirus (COVID-19).

Normalment din il-gazzetta Furjaniża tkun pubblikata kull tlieta jew erba’ xhur. Fil-fatt l-aktar ħarġa reċenti ta’ qabel din, kienet pubblikata f’April li għadda u li fiha kien diġa’ beda jingħata tagħrif dwar kif l-effetti tal-COVID-19 kienu qed jolqtu lill-Furjaniżi u l-ħajja f’belthom.

Iżda bħalma kiteb f’din il-ħarġa l-Editur tal-gazzetta Stephen Tonna fil-Kumment Editorjali tiegħu, id-Direzzjoni ta’ Il-Furjana ħasset li ma setgħetx tħalli ħafna ġimgħat u xhur jgħaddu biex tirrapporta b’kitba u ritratti dak li seħħ fil-ġimgħa ta’ April meta suppost kellha tkun ċelebrata l-festa ta’ San Publju, patrun tal-Furjana u l-ewwel Isqof ta’ Malta.

Fil-fatt filwaqt li l-akbar għadd tal-paġni huma dedikati lil djarju tal-Furjana u l-Furjaniżi f’dan iż-żmien partikolari tal-imxija tal-Coronvirus, l-ewwel faċċata  u l-faċċati tan-nofs huma ġabra ta’ tagħrif u ritratti dwar dik li l-gazzetta sejħet bħalha ‘Festa ta’ kburija Furjaniża’.

Festa – li parti minna kienet virtwali għax saret fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni u midja soċjali – li saħansitra ġibdet fuqha l-attenzjoni tal-midja nazzjonali li rrappurtawha anki fil-bulettini tal-aħbarijiet ewlenin tagħhom.

Kollha rrimarkaw kif il-Furjaniżi kien rnexxielhom joħolqu xorta waħda l-atmosfera tal-festa li soltu jagħmlu kull sena lil San Publju, li hu wkoll qaddis ko-patrun u protettur ta’ Malta.

Din il-ħarġa ta’ Il-Furjana tinkludi wkoll tagħrif dwar ħidmet il-Kunsill Lokali Floriana b’riżq il-Furjaniżi f’dan iż-żmien, tislima lill-eks plejer ta’ Floriana FC Tony Cauchi li miet ukoll f’dan iż-żmien għalkemm mhux bl-imxija, u tagħrif dwar ritratt favorit tal-Prinċep Karlu tal-Ingilterra li kien ittieħed fil-Furjana meta kien għadu tifel, waqt żjara f’Malta mal-ġenituri tiegħu.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-gazzetta Il-Furjana jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.