Il-Furjana ssellem lil Prof. Oliver Friggieri

Oliver Friggieri
Amy Camilleri

Ftit ġranet biss wara l-mewt tal-Professur Furjaniż Oliver Friggieri ġiet ippubblikata ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘Il-Furjana’ b’tislima lil dan il-wild denn tal-Furjana. Għal xi żmien Friggieri kien editur ta’ din l-istess gazzetta u kien fost dawk li għenu biex tkompli għaddejja wara perjodu ta’ kriżi.

Il-ħarġa speċjali fiha 16-il paġna, inkluż suppliment ta’ erba’ paġni li fihom coverage estensiv tal-Funeral Statali li bih l-Istat Malti onora lil dan il-Malti u Furjaniż kbir.

F’dawn il-paġni, minbarra numru ta’ ritratti bil-kulur, jinkludu wkoll l-omelija li għamel l-Arċisqof Charles J. Scicluna, u l-eloġju li għamel Dr Immanuel Mifsud, lettur fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta.

Kitbiet oħra li wieħed isib f’din il-ħarġa ta’ ‘Il-Furjana’ huma artiklu ta’ Albert Marshall li barra li hu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti tal-Arti kien ħabib sa mit-tfulija tal-Professur Friggieri, u riproduzzjoni ta’ artiklu li kien kiteb l-istess Friggieri f’Awwissu tal-1971 wara l-funeral ta’ missier Professur ieħor Furjaniż, Henry Frendo. L-artiklu kien pubblikat oriġinarjament fir-rubrika li Friggieri kellu fuq il-ġurnal ‘il-Ħajja’ li tagħha Frendo kien l-editur.

Il-ħarġa speċjali tal-gazzetta Furjaniża, tinkludi wkoll biografija tal-Professur Friggieri, il-lirika tal-Kantana ‘Ħodon Fjuri lil San Publju’ li Friggieri kien kiteb fl-2010 mal-Maestro Sciberras, u diversi poeżiji li l-Professur Friggieri kien kiteb b’temi Furjaniżi.

Din il-ħarġa hi s-sitt waħda tal-gazzetta f’din is-sena mhux tas-soltu. Normalment ikunu pubblikati mhux aktar minn tlieta jew erbgħa f’sena. Din mhux se tkun l-aħħar ħarġa tas-sena. Fil-fatt fil-ġranet li ġejjin ir-rekord tal-akbar numru ta’ ħarġiet ta’ ‘Il-Furjana’ f’sena waħda, se jikber għal sebgħa bil-ħarġa ta’ Diċembru.

Barra minn hekk, f’dawn il-ġranet ta’ qabel il-Milied se jkun imniedi wkoll il-ktieb ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana 1899-2019’ li tħejja mid-Direzzjoni tal-istess gazzetta Furjaniża. Id-dħul mill-bejgħ ta’ dan il-ktieb se jmur għall-bini tal-ark il-ġdid.

Dan il-ktieb ukoll għandu rabta mal-Professur Friggieri, għaliex barra li kiteb id-Daħla tiegħu, hu kien xtaq li minkejja li kien fis-sodda u l-isptar, jaqra l-aħħar provi tiegħu.

Min jixtieq jibbukkja kopja kemm tal-gazzetti kif ukoll tal-ktieb, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.