Il-funzjoni importanti tal-memorja – Salvu Felice-Pace

Daphne-Caruana-Galizia-3-Years-Bidnija
Miguela Xuereb

Smajt l-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-quddiesa għal ruħ Daphne Caruana Galizia f’għeluq it-tliet snin mill-assassinju tagħha. Ħafna mit-tagħlim li ħareġ minn fomm l-Arċisqof kien ibbażat fuq l-aħħar Enċiklika tal-Papa Franġisku ‘Lkoll Aħwa’. Tkellem dwar l-importanza tal-memorja, kemm dik personali kif ukoll dwar dik kollettiva. Għamel referenza wkoll dwar ir-rikonċiljazzjoni. Hawn kliemu: “ir-rikonċiljazzjoni hi fatt personali u ħadd ma jista’ jimponiha fuq il-ġabra flimkien ta’ soċjetà, lanqas minn min għandu dmir li jippromwoviha.”

Dan il-kliem ħadni lura għas-sena 1987 meta kien laħaq Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Kien insista ħafna fuq il-bżonn tar-rikonċiljazzjoni. Issa ħa nagħmilha ċara, dik li bl-Ingliż jgħidulha ‘hindsight’ jiġifieri għaqal b’lura, wara li jkun seħħ il-fatt, hija xi ħaġa li tiġina faċli. Fenech Adami ma kienx għamel inkjesta pubblika dwar l-għajbien ta’ diversi persuni, il-qtil ta’ oħrajn, il-vjolenza bħala arma politika u n-nuqqas tas-saltna tal-liġi li kienet evidenti, għax ftit li xejn kienu ttellgħu l-qorti. Ara li kieku kienet saret inkjesta pubblika bħal dik li qed issir fil-każ ta’ Daphne, l-affarijiet fil-Partit Laburista setgħu jiżvolġu b’mod differenti. Iva, Alfred Sant kien għamel dak li seta’. Iżda l-wasla ta’ Joseph Muscat bħala mexxej kienet storja oħra, iżda dan qed nibdew nirrealizzawh prinċipalment għax saru diversi inkjesti maġisterjali u fuq kollox permezz tal-inkjesta pubblika dwar Daphne.

Joseph Muscat l-aktar politiku b’suċċess f’dawk li huma elezzjonijiet b’maġġoranzi massiċċi huwa l-istess Joseph Muscat li ma rnexxilux itemm leġiżlatura waħda fil-gvern. Kien anke kkundanna parti mis-snin 70 u 80 bħala żmien mill-aktar ikrah fl-istorja ta’ gvernijiet Laburisti. Iżda għaliex falla bil-kbir fit-tmexxija tiegħu?  Għax sab elettorat li nesa dawk is-snin, li kien jibla’ dak kollu li jgħidlu hu, u għax żamm il-poter bejn ċirku relattivament żgħir ta’ persuni fejn kienu involuti proġetti kbar u fl-istess ħin għamel sinjuruni lil dawk li forsi kienu b’xi mod ta’ tfixkil għall-pjani tiegħu. Fl-istess ħin żamm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż nieqsa mir-riżorsi essenzjali li kienet ġabithom fi stat li anke jekk kellhom ir-rieda li jagħmlu dmirhom, ma kellhomx il-mezzi.

U dan nafuh permezz tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne. Meta Chris Fearne xehed fl-inkjesta, din ix-xhieda fetħet tieqa dwar kif kien imexxi Muscat. Deputat Prim Ministru li ma kellux il-fiduċja tal-Prim Ministru għax lanqas kien jiddiskuti ma’ Fearne affarijiet ta’ importanza kbira. Jien kont assistent surmast ta’ skola kbira f’Londra u ta’ kull filgħodu s-Surmast kien isejjaħ lili u d-deputat l-ieħor għal-laqgħa bejnietna, kemm biex niġbdu ħabel wieħed, kif ukoll biex inkunu konxji ta’ xi problemi li jistgħu jseħħu meta konna nħaddmu madwar 150 għalliem b’aktar minn 1,200 student. Għal Muscat, wara li kienu żvelati l-Panama Papers, kien jgħodd biss il-kitchen cabinet għax il-vera road map kienet f’periklu.

L-inkjesta dwar Daphne żvelat ukoll kemm il-memorja jew aħjar in-nuqqas tagħha qed tintuża bħala forma ta’ difiża. Kultant niskanta kif jimxi l-pajjiż b’dawk il-pożizzjonijiet importanti li qatt ma raw xejn, qatt ma semgħu xejn u qatt ma qalu xejn. Ftit jiem ilu xehed l-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela li ma ftakar xejn dwar kif Andrew Caruana Galizia kien tneħħa mill-post tiegħu diplomatiku fl-Indja. Ried jaħsel idejh bħal Pilatu iżda ġranet wara s-Segretarju Permanenti Fiona Formosa żvelat il-verità . Araw x’kiteb eks-diplomatiku serju, Evarist Saliba li qeda dmiru lejn pajjiżu fil-passat. Hekk kiteb fuq Forum tat-Times: “Taħt ġurament, u rrid nenfasizza dan il-punt, inti (Carmelo Abela) għedt li lanqas biss tiftakar dwar jekk  Andrew Caruana Galizia kellux it-terminu tiegħu mwaqqaf sentejn qabel ma kellu jintemm. Ma tajt l-ebda raġuni għala kien terminat u nsejt ukoll jekk kellekx xi ordni minn ħaddieħor biex dan kien seħħ, avolja kellek talba mill-ambaxxatur biex tħalli lil Andrew f’postu u ħallejt l-ambaxxata mingħajr assistent għal erba’ xhur. Jekk jogħġbok tistmax il-poplu daqslikieku kien stupidu.” (10/15/20)

Li hemm nuqqas ta’ sinsli fil-kabinett li ħalla lil Joseph Muscat jirrombla fuqhom nafuh sew, iżda din ta’ nuqqas ta’ memorja hija problema serja. Kemm il-“Caruana Galizia” kellu fil-ministeru tiegħu s-Sur Carmelo Abela? Il-poplu Malti għandu jixtarr dwar kliem l-Arċisqof għax jekk ninsew l-istorja passata se nirrepetu l-istess żbalji li saru fil-passat, kemm dak remot kif ukoll dak viċin.

Ittra lill-Editur minn Salvu Felice-Pace