Il-funeral ta’ Miriam Pace se jsir nhar il-Ħamis

Il-qraba ta’ Miriam Pace ħabbru li l-funeral tagħha se jkun qed isir nhar il-Ħamis li ġej.

Kemm ir-raġel tagħha Carmel Pace, kif ukoll binhom Matthew, qalu fuq Facebook li l-funeral se jsir fis-2pm fil-Bażilika tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Pace, il-mara li kienet nieqsa wara li ġġarrfet darha fil-Ħamrun, instabet mejta qalb it-tifrik għall-ħabta tal-10pm ilbieraħ filgħaxija. Il-katavru nħareġ fl-10.30pm. Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Kmieni dalgħodu, in-neputija ta’ Miriam appellat lill-pubbliku sabiex jipproteġi lill-maħbubin tiegħu. Qalet li l-bidu tal-ħsejjes tat-tħaffir tal-kostruzzjoni hija l-aħħar ħaġa li wieħed ikun irid jisma’ wara traġedja bħal din. “Fallejniha…aħna qtilniha,” kitbet in-neputija.