“Il-funeral ta’ Hugo mhux se jsir għada” – ħuh

Minkejja li l-midja lokali xandret li l-funeral ta’ Hugo Chetcuti se jkun qed isir għada fil-Mosta, ħu l-intraprenditur qal li dan mhux minnu.

Chetcuti, intraprenditur lokali magħruf l-aktar fid-dinja tad-divertiment, spiċċa vittma ta’ daqqa ta’ sikkina fis-6 ta’ Lulju tard filgħaxija, huwa għamel xi jiem jissielet għal ħajtu u tilef il-battalja fil-11 ta’ Lulju. Serb ta’ 35 sena qed jiġi akkużat bil-qtil tiegħu.

Ħu Chetcuti qal li sakemm għad m’hemmx dettalji dwar meta se jiġi rilaxxat ġisem Hugo Chetcuti, id-data tal-funeral mhux se tkun tista’ tiġi kkonfermata. Sostna li malli jkunu jafu d-data se titħabbar b’mod uffiċjali minn Hugo Group.

Newsbook.com.mt ipprova jikkonferma jekk il-katavru ġiex rilaxxat fl-aħħar jiem, madanakollu l-Pulizija ma setgħetx tikkonferma hekk kif għadha għaddejja l-inkjesta dwar il-każ.