Il-Fulu kien lagħab €570,000; tilef €71,000

Fil-Qorti llum ħareġ li Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu kien lagħab total ta’ €570,000 li minnhom tilef €71,000. Dan waqt is-smigħ tal-każ kontrih u ħuh George Degiorgio iċ-Ċiniż, flimkien mas-sieħba taċ-Ċiniż.

It-tlieta qed jiġu akkużati b’serje ta’ offiżi relatati ma’ ħasil tal-flus. Madanakollu jidher li la George Degiorgio u lanqas is-sieħba tiegħu ma kienu jilgħabu l-flus.

Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda tal-eks-Assistent Kummissarju Neville Aquilina, fejn qal li kien ġie appuntat sabiex jiddetermina jekk l-akkużati kienux klijenti ta’ kasinò lokali. Hu spjega li George Degiorgio kien mar hemmhekk darba biss, filwaqt li s-sieħba tiegħu qatt ma kienet marret hemm. Madanakollu sab li Alfred Degiorgio kien klijent rikurrenti ta’ dan il-kasino u li kien lagħab aktar minn €39,000 fi tliet snin u minnhom tilef €18,000.

Aktar xhieda ħaddiema ta’ kasinos lokali tkellmu u spjega li l-unika wieħed mill-akkużati li kien imur jilgħab il-flus fi ħdan il-kasinò kien Alfred Degiorgio. Wieħed spjega li fil-kasinò tiegħu Alfred Degiorgio lagħab €40,000 u tilef €31,000. F’kasinò ieħor jidher li lagħab total ta’ €457,000 li minnhom tilef €16,000. F’kasinò ieħor hu lagħab €34,000 li minnhom tilef €6,000.

Minn FexServ Financial Services xehedu li George Degiorgio għamel 52 transazzjoni kummerċjali barra minn Malta, Alfred Degiorgio għamel tmienja, filwaqt li s-sieħba ta’ George degiorgio għamlet 57 min-naħa tagħha. Hi rċeviet ukoll 52 transazzjoni fl-aħħar ħames snin permezz ta’ ħlasijiet lilha minn barra minn Malta.

Il-każ se jkompli jinstema’ fit-22 ta’ Ottubru fl-10am.