“Il-fuel jorħos imma xorta hemm taxxi enormi”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook, l-ekonomista Malcolm Bray iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalist Karl Wright dwar il-fenomenu rari tar-roħs tal-prezz taż-żejt kważi bit-terz. Jgħid li d-domanda għaż-żejt naqset drastikament għax l-ekonomiji dinjija għadhom batuti ħafna waqt li l-provista taż-żejt fl-Amerka żdiedet.
Bray ifisser it-terminu ‘hedging’ bħala ftehim dwar prezz fiss għal terminu taż-żmien. Jgħid li l-prezz normalment jonqos jew jiżdied. Ikompli li wieħed irid kemm jista’ jkun ifittex l-istabilità għal tul taż-żmien, anki jekk dejjem hemm riskju.
L-ekonimista jikkonferma li jekk il-prezz internazzjonali taż-żejt jibqa’ baxx u f’Malta jiġi biex isir roħs fil-prezz tal-fuel – minħabba li jkun għalaq il-kuntratt tal-‘hedging’, wieħed irid joqgħod attent minn kemm jippretendi roħs. Dan minħabba li l-prezz taż-żejt ikunu jridu jiżdiedu miegħu s-sisa, il-VAT u l-prezz tar-raffinar taż-żejt. Dan minbarra d-differenza li ġġib magħha r-rata tal-kambju mid-dollaru għall-ewro.
Malcolm Bray jissokta li f’pajjiżna neħtieġu niddiskutu iżjed xi stil ta’ ħajja jrid il-pajjiż u japplika l-‘hedging’ skont l-għażla li jagħmel. Żied li f’pajjiżna hi meħtieġa aktar trasparenza dwar il-prezzijiet tal-fuel.
Finalment, l-ekonomista jgħid li mill-aspett ta’ policy-making f’settur daqshekk dinamiku u importanti, wieħed għandu jerġa’ jesplora l-fattibilità tal-kompetizzjoni li tieħu post il-monopolju fis-settur tal-fuels. Temm jgħid li l-element ta’ kompetizzjoni dejjem iġġenera l-ġid.