Il-ftuħ tal-kaċċa piż żejjed fuq il-Pulizija – POU

Read in English.

Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa din is-sena se tkun ta’ piż żejjed fuq il-Pulizija, skont il-Police Officers Union (POU).

Fi stqarrija, il-POU li hi parti mill-General Workers Union (GWU) qalet li tixtieq tesprimi id-diżapprovazzjoni tagħha għal-aħbar li din is-sena l-istaġun tal-kaċċa ħa jinfettah regolarment minkejja li il-membri tal-Korp tal-Pulizija bħalissa qiegħdin iġorru il-piż ta l-ispezzjonijiet u l-infurzar tal-miżuri marbutin mal-Covid19.

“Matul żminijiet normali waqt l-istaġun tal-kaċċa, il-volum tal-ħidma tal-iskwadra tal-Administrative Law Enforcement (ALE) jiżdied drastikament tant li jinħargu transfers temporanji ta’ Pulizija min distretti u branki biex joffru l-assistenza lil din l-iskwadra.

“Ftit ġimghat ilu l-istess skwadra tal-ALE kienet magħżula biex tagħmel spezzjonijiet fuq in-nies li huma taht kwarantina u din id-deċiżjoni ħa tkompli titfa’ piż kemm fuq din l-iskwadra, kif ukoll fuq il-kumplament tal-membri tal-Korp,” qalet il-POU.

L-unjin qed titlob lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu “speċjalment f’żmien fejn il-Pubbliku qiegħed jiġi mitlub jagħmel sagrifiċċju biex tiġi megħluba din il-kriżi u il-membri tal-Korp qiegħdin jiġu mitluba biex l-isforzi primarji tagħhom ikunu fuq l-infurzar biex dan ikun possibbli.”

Gvern irresponsabbli – AD

L-Alternattiva Demokratika (AD) iddeskriviet id-deċiżjoni tal-Gvern bħala “irresponsabbli”.

Fi stqarrija l-AD qalet li ċ-Chairperson tagħha qal li madwar 40 pulizija se jittieħdu minn fuq xogħol ieħor li hu essenzjali.

“Qed tkun mhedda l-kredibilità tal-miżuri tajba li ttieħdu s’issa biex ikun evitat it-tixrid tal-coronavirus,” qal Carmel Cacopardo.

“Jekk il-parir lil kulħadd hu biex nibqgħu ġewwa, sakemm ma jkunx hemm neċessità, mhux qżież dan li qed jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa? Kif issa nippretendu li l-bqija jsegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa? Irresponsabbli!” qal Cacopardo.

Fl-aħħar jiem, 10 għaqdiet volontarji ngħaqdu mal-appell tal-BirdLife lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex l-istaġun tal-kaċċa ma jinfetaħx din is-sena. Magħhom ilbieraħ ingħaqdu diversi kmamar tal-aħbarijiet inkluż Newsbook.com.mt. Is-siti l-oħrajn huma Times of Malta, Malta Today, Illum, The Malta Independent, The Shift News u Gozo News.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn