Il-ftira se titressaq biex issir wirt kulturali tal-UNESCO

Ġurnata fejn il-baħar, xemx li tbuslek ħaddejk u ilma li jiffriskak; x’jonqos? Ftira mħawwra bil-kunserva, tonn taż-żejt, basal tal-pikles, kappar, żebbuġ aħdar, biċċiet tat-tadam, xi naqra ġbejna friska (tal-bżar l-aqwa waħda fl-opinjoni tiegħi!), u fl-aħħar, troxx kollox biż-żejt taż-żebbuġa, tippakjahha, u toħodha miegħek għal ikla bnina fejn il-mewġ li jgħanni dwar il-ġmiel ta’ Malta, ux-xemx li titbissem fuq il-bajjiet tagħna.

Din id-deskrizzjoni mhux lili u lilek biss għoġbot; għoġbot ukoll lill-bord appuntat apposta, li se jressaq il-ftira għall-approvazzjoni tal-UNESCO biex titniżżel bħala wirt kulturali intanġibbli.

Il-ftira ġiet ikkunsidrata peress li hija mfittxa minn Maltin u turisti; it-turist bix-xewqa li jduq dak li hu veru Malti, u l-Malti bix-xewqa li jimla żaqqu b’biċċa ħobż mill-aqwa. Se tiġi sottomessa wkoll it-tradizzjoni tal-għana.