​“Il-ftehim tal-Gvern ma’ VGH kien fl-interess tal-ftit” – Marlene Farrugia

Il-membru parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li huwa ċar li l-ftehim li l-gvern għamel fis-settur tas-saħħa ma sarx fl-interess nazzjonali, iżda fl-interess tal-ftit. 
F’konferenza tal-aħbarijiet, Marlene Farrugia irreferiet għall-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare, u sostniet li l-istess ġara fil-każ tal-art tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fejn art pubblika ngħatat bi prezz irħis ħafna. 
Tkellem ukoll il-Kap tal-PD Anthony Buttigieg li staqsa jekk verament il-Gvern iridx li l-poplu Malti jieħu l-aqwa valur permezz ta’ ftehim ta’ dan it-tip.
Qal li dan wassal biex it-tobba jistrajkjaw għax it-trasferiment bejn il-VGH u Steward Health Care sar mingħajr ma ġew informati.
Buttigieg irrefera wkoll għall-Forza Nazzjonali u qal li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma jistax ixolji din il-forza.
Qal li din tirrapreżenta sezzjoni tal-poplu Malti li trid governanza tajba, u li Delia ma jistax jaħsel idejh mill-ftehim li sar qabel l-elezzjoni li għaddiet bejn il-PN u l-PD.

Konfużjoni kkonfermata fl-oppożizzjoni – PL
F'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li d-diżgwid ġdid li nqala' bejn Adrian Delia u Marlene Farrugia huwa konferma ta’ dak li qal il-Partit Laburista meta tkellem dwar koalizzjoni ta’ konfużjoni.  
L-istqarrija tal-PL tkompli tgħid li "d-deputat Marlene Farrugia, li fil-qorti xehdet li hi deputat tal-PN iżda barra targumenta li tirrappreżenta l-PD, qed titlob parti mir-riżorsi tal-parlament li suppost huma allokati għall-oppożizzjoni. Qed tgħid li dan għandu jsir għax il-koalizzjoni sfaxxat".