Il-‘ftehim’ ta’ Mizzi kien tħabbar fl-2013 – PN; bżonn skuża għall-ftehim tal-PN – PL

Wara li l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-ftehim dwar l-Għadira li “tħabbar” reċentament mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien diġa tħabbar sitt snin ilu fl-2013, il-Partit Laburista (PL) qal li jkun tajjeb li kieku d-deputati u kunsilleiri tal-PN fil-Mellieħa jiskużaw ruħhom għall-ftehim tal-Gvern Nazzjonalista qabel l-elezzjoni tal-2013.

Fi stqarrija l-PN qal li l-Ministru Mizzi għażel li jagħmel konferenza tal-aħbarijiet fil-bajja tal-Għadira “biex bi kliemu stess jikkonferma l-falliment tal-Gvern tiegħu.” Fi kliem il-PN, il-konferenza tal-aħbarijiet kellha tissejjaħ għax il-Gvern naqas milli jżomm fil-livell xieraq u aċċettabbli l-bajja tal-Għadira.

“Il-kunsillieri tal-PN fil-Mellieħa ġew infurmati biss ftit sigħat qabel ma’ ssejħet il-konferenza tal-aħbarijiet, u jrid jingħad ukoll li filwaqt li għaliha ġew mistiedna d-Deputati tal-Gvern fuq id-distrett tal-Mellieħa, l-istess stedina ma’ saritx lid-Deputati tal-Oppożizzjoni,” qal il-PN.

“Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar ‘l hekk imsejjaħ ftehim mal-operaturi sabiex ikun hemm aktar spazju għal dawk li jagħżlu li ma’ jagħmlux użu mill-umbrelel u d-deckchairs provduti mill-operaturi fuq il-bajja. Dan l-istess ftehim kien diġà tħabbar miċ-Ċermen tal-MTA Gavin Gulia sitt snin ilu (fl-10 ta’ Awwissu tal-2013).”

Skont il-PN, il-kunsillieri tiegħu ma marrux għall-konferenza għax il-Gvern qed jagħti parti mill-kosta tal-Għadira lill-privat. Il-PN qal li fl-2011 taħt Gvern tal-PN l-Għadira rċeviet l-istatus ta’ kwalità Blue Flag.

“Illum din l-istess bajja qed tiffaċċja riskji serji li tista’ titlef dan l-istatus għax il-Gvern naqas li jinforza regolamenti biex il-bajja tibqa’ żżomm l-livelli mitluba,” qal il-PN.

Il-PN żied jgħid li Mizzi mhux qed ikun trasparenti dwar l-estensjoni tal-bajjar. Il-partit qal ukoll li Mizzi approva estensjonijeit jew bini ta’ lukandi ġodda fil-Mellieħa, liema applikazzjonijiet imorru kontra l-politiki taż-żoni fejn jinsabu.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li ntlaħaq ftehim mal-operaturi tal-umbrelel fl-Għadira sabiex dawn iħallu l-ispazju fil-bajja, jiġifieri sabiex ma jokkupawhiex bl-umbrelel b’tali mod li ma jifdalx spazju fejn joqogħdu n-nies.

“Ilħaqna ftehim biex tal-umbrelel iħallu l-ispazju fl-Għadira” – Konrad Mizzi

Qabel  jagħmlu dan ma jistgħux ikunu kredibbli – PL

Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li qal il-PN, il-PL qal li d-deputati u l-kunsillieri tal-PN fil-Mellieħa “kienu jagħmlu tajjeb kieku talbu skuża għall-ftehim li għamel Gvern Nazzjonalista qabel l-elezzjoni tal-2013. Qabel jagħmlu dan ma jistgħux ikunu kredibbli.”

Skont il-PL, “il-familji jiftakru sew kif il-Gvern Nazzjonalista kien ta konċessjoni lill-operaturi tad-deckchairs u s-siġġijiet fl-Għadira li ma kienet tħares bl-ebda mod l-interess tal-konsumaturi.”

“Illum dan il-Gvern ta lura parti kbira mill-bajja lill-familji bil-għan li titgawda mingħajr ebda xkiel jew piż finanzjarju. Il-familji Maltin jafu li, lil hinn mir-retorika politika tal-Partit Nazzjonalista, kien grazzi għar-rieda ta’ dan il-Gvern li ħadu dak li kellu jkun tagħhom bi dritt mill-bidu nett.”