“Il-ftehim ta’ Brexit magħluq u mhux se jerġa’ jinfetaħ” – Il-PM

Il-ftehim ta’ Brexit huwa magħluq u taħt l-ebda ċirkostanza ma jista’ jerġa’ jinfetaħ. Dan kien il-qbil min-naħa Ewropea waqt is-Summit tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell li qed jiddiskuti l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropa. Min-naħa l-oħra, l-Ewropa lesta tgħin lill-Gvern u l-poplu Ingliż biex isiru l-kjarifiċi li hemm bżonn.

Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kummenti mal-mezzi tax-xandir, fejn spjega li ma hu qed jingħad xejn ġdid dwar il-ftehim innifsu imma hemm ir-rieda li jsiru kjarifiċi dwar x’inhuma l-intenzjonijiet politiċi tal-Unjoni Ewropea. Huwa semma wkoll kif l-kabinett iddiskuta l-preparamenti ta’ Malta għall-eventwalità ta’ no deal, u li b’hekk id-dipartimenti differenti ta’ Malta huma mħejjija sew.

Permezz ta’ miżuri fil-Baġit, il-Gvern Malti se jagħti għajnuna lil kumpaniji li s-suq ewlieni tagħhom huwa Ingliż. Filwaqt li l-gvern ma jindaħalx fis-settur privat, l-appell huwa li jittieħdu l-passi neċessarji ta’ preparament fil-każ li ma jsirx ftehim.