Aġġornata: “Il-ftehim mal-Libja se jirrifletti fil-prezz tal-fuel” – Prim Ministru

B’reazzjoni għall-kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Partit Nazzjonalista saħaq li minflok ma tkellem dwar affarijiet li jinteressaw il-poplu, il-Prim Ministru pprefera jitkellem dwar is-safar li qed jagħmel fil-Libja, l-Ukraina u issa fiċ-Ċina.

L-istqarrija tgħid li Dr.Muscat meta tkellem dwar il-powerstation bħala “fabbrika tal-kanċer,” nesa kemm fil-ħames snin li għaddew, kien insista li l-power station tista’ tibda taħdem bid-diesel. Il-Partit Nazzjonalista qal li issa l-Prim Ministru biddel il-verżjoni.

Meta mistoqsi dwar il-baġit ta’ din is-sena, il-PN saħaq li l-Prim Ministru ma tkellimx dwar miżuri biex jinħolqu biżżejjed postijiet tax-xogħol. Dwar il-mediċini out-of-stock, l-istqarrija ttemm tgħid li Muscat naqas milli jispjega kif se jindirizza din il-problema.

Aktar qabel: Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li jittama li l-ftehim mal-Libja jibda’ juri r-riżultat tiegħu mis-sena d-dieħla, meta jibda’ juri l-impatt tiegħu fuq il-prezz tal-petrol u d-diesel.

Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju One, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat saħaq li l-pjan tal-enerġija hu miexi kif pjanat u reġa’ tenna li minn Marzu li ġej se jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji. Dan hekk kif fil-bidu tas-sena d-dieħla, mistennija tibda’ t-tranżizzjoni biex il-pajjiż jibda’ jħaddem il-powerstation bil-gass

Dwar l-EneMalta, Dr Muscat qal li din tħalliet f’sitwazzjoni diżastruża u m’għandhix tibqa’ piż għall-ekonomija u t-taxxi tal-ħaddiema. Il-Prim Ministru qal li l-qasam tal-enerġija għandu jkun il-qasam li joħloq aktar postijiet tax-xogħol.

Meta mistoqsi dwar ir-rapport tal-kumitat tal-kontijiet pubbliċi, il-Prim Ministru qal li l-Kap Nazzjonalista m’għandux kontroll tal-partit tiegħu stess. Dr Muscat qal li nstab li ma kien hemm l-ebda policy tax-xiri taż-żejt u għalhekk ma kienx hemm direzzjoni. Hu rrefera għal dak li qal l-Awditur Ġenerali, jiġifieri li fil-kariga tiegħu qatt ma ra minuti ta’ dak il-livell.

Dr Muscat qal ukoll li waqt żjara fl-Ukraina kien konkluż ftehim dwar it-taxxa doppja. Qal ukoll li bħalma f’Malta qed jissewwew l-ajruplan għall-Ġermanja u l-Isvizzera, jittama li l-linja tal-ajru Ukrena, Antonov, tibda’ tuża Malta għat-tiswijiet neċessarji.

Dwar il-baġit, il-Prim Ministru sostna li ħadd m’għandu jistenna sorpriżi, iżda se jibda’ jitwettaq l-ewwel parti mit-twettiq tal-programm elettorali.