Il-ftehim maċ-Ċina jista’ jiftaħ kapitlu ġdid għall-Knisja fiċ-Ċina

Bidu ta' kapitlu ġdid għall-Knisja Kattolika fiċ-Ċina

Il-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-Kattoliċi fiċ-Ċina u lill-Knisja Universali li fih tkellem dwar diversi suġġetti fosthom il-Ftehim Proviżorju milħuq bejn iċ-Ċina u l-Vatikan fil-jiem li għaddew.

“Il-Ftehim iffirmat mal-awtoritajiet Ċiniżi, filwaqt li hu limitat f’ċerti aspetti tal-ħajja tal-Knisja u allura jagħti lok għal titjib, xorta jista’ jikkontribwixxi biex jinkiteb kapitlu ġdid fl-istorja tal-Knisja Kattolika fiċ-Ċina,” kiteb il-Papa.

Għall-ewwel darba, il-ftehim jiffissa oqsma ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ċiniżi u s-Santa Sede bit-tama li l-komunità Kattolika jkollha rgħajja tajba.

“F’dan il-kuntest, is-Santa Sede se tagħti sehemha bis-sħiħ.  Imma intom ukoll għandkom sehem importanti x’taqdu, l-Isqfijiet, il-qassisin, in-nisa u rġiel konsagrati u l-lajċi: billi tgħinu biex jinstabu kandidati kapaċi jerfgħu r-responsabbiltà ta’ Isqfijiet.”

“Din mhux kwistjoni li naħtru funzjonarji biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet reliġjużi, imma li nsibu rgħajja awtentiċi skont il-Qalb ta’ Kristu, nies li jkunu impenjati li jaħdmu b’ġenerożità fis-servizz tal-poplu t’Alla, l-aktar fost il-foqra u dawk vulnerabbli. Irġiel li lesti jieħdu bis-serjetà il-kliem tal-Mulej: “Kull min isir l-akbar fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom u min ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-iskjav ta’ kulħadd.”

F’dan ir-rigward, ikompli l-messaġġ tal-Papa, “Hu ċar li ftehim hu sempliċiment strument u mhux se jsolvi l-problemi eżistenti kollha. Hu ma jkollu ebda effett jekk ma jkunx akkumpanjat minn impenn serju li nibdlu l-attitudnijiet personali u l-forom ta’ kondotta ekkleżjastika.”

Il-messaġġ jgħid li fuq livell personali, “il-komunità Kattolika fiċ-Ċina hi msejħa biex tingħaqad biex tegħleb il-firda tal-passat li ġabet u qed tkompli ġġib tbatija kbira fil-qlub ta’ ħafna saċerdoti u fidili.”

L-insara kollha, ħadd eskluż, iridu jagħmlu ġesti ta’ rikonċiljazzjoni u għaqda.