Il-ftehim ma’ Steward taħt il-lenti tal-Parlament il-ġimgħa d-dieħla

Il-ftehim li permezz tiegħu l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddew mingħand il-Gvern għal għand Steward Health Care se jkun taħt il-lenti tal-Parlament. Dan hekk kif il-Ħamis 30 ta’ April se tiġi diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tikkundanna dan il-ftehim.

Il-mozzjoni mressqa illum tgħid li l-ftehim li permezz tiegħu l-Gvern Malti ta l-isptarijiet lill-operaturi privat kif ukoll ir-Re-statement li sar fis-27 t’Awwissu 2019 huwa kontra l-interess nazzjonali. Il-mozzjoni tgħid li l-Re-statement agreement li ġie ffirmat mill-eks Ministru Konrad Mizzi fejn l-operatur privat jitħallas Eur100 miljun jekk il-kuntratt oriġinali jitħassar imur kontra l-interess nazzjonali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien fetaħ ukoll kawża kostituzzjonali biex ireġġa’ lura l-ftehim u dawn it-tliet sptarijiet jerġgħu jaqgħu taħt il-Gvern.