Il-Ftehim ġdid bejn iċ-Ċina u l-Vatikan

Il-Papa jkellem pellegrini Ċiniżi fil-Vatikan

Waqt il-vjaġġ lura lejn il-Vatikan, meta tkellem mal-ġurnalisti, il-Papa wieġeb domandi dwar il-ftehim milħuq bejn iċ-Ċina u l-Vatikan li tħabbar fl-ewwel ġurnata tal-vjaġġ tiegħu.

Hu ddeskirva dan il-ftehim bħala riżultat ta’ “proċess li ilu għaddej għal ħafna snin u twieled mill-ħidma ta’ Kummissjoni tal-Vatikan għalkemm qal li hu jerfa’ r-responsabbiltà kollha tar-riżultati miksuba.

“Intom tafu li meta tagħmel kuntratt, iż-żewġ naħat iridu jċedu xi ħaġa. Dik hi r-regola u aħna hekk nagħmlu. Dan il-ftehim mexxiena żewġ passi ‘l quddiem u wieħed lura”, qal il-Papa. “Il-kwestjoni tal-Isqfijiet kienet studjata każ b’każ. Dossier ta’ kull Isqof spiċċa fuq l-iskrivanija tiegħi. Jien kont responsabbli li ffirmajt il-każ ta’ kull Isqof.”

“Jien niftakar fir-reżistenza li offrew dawk il-kattoliċi li sofrew. Veru, u għad isofru. F’kull ftehim dejjem ikun hemm it-tbatija. Iżda dawn in-nies għandhom fidi kbira,” insista l-Papa. “Jien ifirmajt il-Ftehim. Jien responsabbli. L-oħrajn ħadmu għal aktar minn 10 snin. Dan ma kienx xi improviżazzjoni imma vjaġġ.”

Il-Papa talab għas-sofferenzi tal-Knisja klandestina u għal dawk li mhux qed jifhmu s-sitwazzjoni. Dwar l-Isqfijiet Ċiniżi, l-Papa qal li n-nomina tagħhom se tkun il-frott ta’ djalogu. “Imma l-Papa se jinnominahom. Dan hu ċar,” żied jinsisti.

Huwa semma xi aneddoti dwar dan.  Fl-imgħoddi, fl-Amerika t’Isfel l-Isqfijiet kienu jingħażlu mill-mexxejja Spanjoli u Portuġiżi għal aktar minn 300 sena.  Taħt l-Imperu Astro-Ungariku, għal żmien twil il-Knisja ma kellha ebda  saħħa dwar min kienu jkunu l-Isqfijiet. “Nirringrazzjaw ‘l Alla li llum dan m’għadux il-każ,” qal il-Papa.

Fl-unika riferenza għall-każ tal-Isqof Vigano, il-Papa Franġisku qal: “Meta kien hemm dak il-famuż komunikat minn ex Nunzju Apostoliku, il-Konferenzi Episkopali tad-dinja kitbuli u qaluli li kienu qed jitolbu għalija u jħossuhom qrib tiegħi. L-Insara Ċiniżi kitbuli u l-ittra kienet iffirmata minn Isqof tal-Knisja Tradizzjonali Kattolika u minn Isqof tal-Knisja Patrijottika, it-tnejn flimkien.  Għalija dan kien sinjal minn Alla”.