Filmat: Il-ftehim dwar l-immigrazzjoni se jiġi ppreżentat f’Ottubru

Filmat: Facebook – Maltagov

Il-Ministri għall-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u l-Ġermanja waslu għall-qbil fuq l-iżbark ta’ persuni salvati mill-għarqa waqt summit qasir li sar fil-Forti ta’ Sant’Anġlu.

Il-laqgħa kienet immexxiha mill-Finlandja li bħalissa għandha l-presidenza tal-Kunsill Ewropew.

Id-dokument komuni li fuqu qablu llum se jiġi ppreżentat lill-kumplament tal-Ministri tal-Intern tal-Istati Membri waqt laqgħa li se ssir fit-8 ta’ Ottubru.

L-Istati Membri se jkunu qed jaqblu, jiddiskutu, jew jipproponu emendi dakinhar fuq id-dokument maqbul illum.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ma ħarġux dettalji dwar il-mekkaniżmu li bih se jiġu rilokati l-immigranti.

Filmat: Miguela Xuereb

F’kummenti li ta l-midja, il-Ministru Farrugia qal li ġew diskussi wkoll id-dgħajjes tal-għaqdiet tat-tfittxija u salvataġġ ċivili. Huwa spjega li għandu jkun hemm ċertu regolamenti minn naħa tal-pajjiżi li jirreġistraw dawn id-dgħajjes biex meta tinħareġ il-liċenzja din ma tingħatax lil kulħadd iżda lil min hu kapaċi jagħmel salvataġġ.

Pull factor

Il-Ministru Farrugia spjega li jekk jinstab li l-proposta waslet għal ċertu “pull factor”, jiġifieri li n-numru ta’ persuni li jipprovaw jaqsmu l-baħar Mediterran jiżdied, allura jiskattaw ċertu mekkaniżmi biex jiġi revedut il-programm.

‘Mhux dejjem bil-fors hi Malta jew l-Italja li se jkollha tiżbarka lill-persuni salvati’

Il-Ministru Farrugia saħaq li l-Istati Membri iridu jersqu l-quddiem u mhux “dejjem bil-fors hi Malta jew l-Italja” il-post fejn l-immigranti jiġu żbarkati. Huwa żied jgħid li l-Istati Membri jridu jipparteċipaw fl-iżbark u l-proċess ta’ rilokazzjoni.

Kien hemm proposta oħra biex terġa’ tiġi diskussa s-sistema ta’ Dublin li tirregola l-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Tibdil fil-ħin

Skont il-programm li ntbgħat lill-ġurnalisti, il-konferenza tal-aħbarijiet kellha tibda fl-4 tat-Tnejn waranofsinhar. Iżda din bdiet fit-3.30pm. Newsbook.com.mt għamel kuntatt mad-Dipartiment tal-Informazzjoni fejn kelliem qal li kien minħabba r-riżultat tal-laqgħa bejn il-ministri tal-intern. Żied jgħid li dan sar minħabba kwistjoni ta’ loġistika.

Mistoqsi dwar kif kienet infurmata l-midja u liema midja kienet infurmata, il-kelliem qal “li l-midja kienet infurmata” iżda naqas milli jispeċifika kif kienet infurmata u lil min.