Il-ftehim dwar l-immigrazzjoni jirrifletti l-politika interna fl-UE

Il-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb qal li l-ftehim milħuq dwar l-immigrazzjoni fil-Kunsill Ewropew fil-bidu ta-xahar jirrifletti x-xenarju xejn stabbli tas-sitwazzjoni politika interna f’diversi pajjiżi.
F’intervista fuq RTK ma’ Sylvana Debono, Dr Xuereb semma fost l-oħrajn kif l-Italja kienet se twaqqaf milli jintlaħaq ftehim kif ukoll is-sitwazzjoni li kienet qed tiżvolġi fil-koalizzjoni tal-Gvern Ġermaniż dwar l-immigrazzjoni.
Dr Xuereb qal li biex tiġi indirizzata l-problema tal-immigrazzjoni, iridu jiġu indirizzati l-kawżi, fosthom x’instabbiltà qed twassal biex dawn il-persuni jaħarbu minn pajjiżhom, fosthom minn pajjiżi Afrikani, mis-Sirja u mil-Libja u jiġu lejn l-Ewropa.
Semma wkoll il-problemi politiċi kbar u serji fil-Libja, fejn gruppi jitraffikaw il-persuni u jagħmlu qliegħ tremend mill-ħajja tan-nies.
Mill-banda l-oħra semma kif it-Tuneżija qed tgawdi minn stabbiltà anke riżultat ta’ koperazzjoni kontinwa mal-UE.