Il-Frontex għandha bżonn regoli definiti u realistiċi – Miriam Dalli

Il-Membru Ewroparlmentari Maltija Miriam Dalli saħqet li l-Frontex Plus għandha tkun ibbażata fuq regoli definiti u realistiċi u l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka wkoll fuq soluzzjonijiet fit-tul u li jinvolvu lil Istati Membri kollha biex issolvi l-problemi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa, inkluż f’Malta.
Dalli qalet dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw u daħħlu Malta aktar minn 250 immigrant irregolari u wara l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tniedi l-inizjattiva Frontex Plus.
Il-Kummissjoni Ewropea taċċetta li mhux ġust li pajjiż wieħed iġorr ir-responsabilità tas-salvataġġ tal-immigranti u għalhekk skont Dalli, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tara li jkun hemm qsim ġust tar-responsabilitajiet.
Saħqet li l-inizjattiva tal-Frontex Plus għandha timxi fuq il-mudell tal-Mare Nostrum li ġiet applikata fl-Italja ftit tax-xhur ilu. Dalli qalet li l-inizjattiva għandha tkun ċara dwar kif se topera u tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-membri kollha tal-Unjoni Ewropea jipparteċipaw.