Il-Front Ħarsien ODZ jissokta jopponi l-iżvilupp taż-Żonqor

Il-Front Ħarsien ODZ ħabbar li se jkun qed joġġezzjona formalment għall-iżvilupp fiż-Żonqor li jara jinbena kampus ta’ università li biċċa minnha se titla’ fuq art li mhux sippost isir żvilupp fuqha.
Fl-istqarrija tiegħu, il-grupp qal li barra minn hekk, l-art li fuqha se jsir dan l-iżvilupp sippost kienet iddiżinjata biex isir fuqha park immirat għar-rikreazzjoni u l-apprezzament tal-valur ekoloġiku, ġeoloġiku, arkeoloġiku u storiku tal-inħawi taż-Żonqor.
Il-Front insista li għalhekk il-proġett tal-università qed jikser ir-regolamenti għall-iżvilupp ta’ dan il-park, li kienu hemm minn qabel.
Front Ħarsien ODZ, li twaqqaf sentejn ilu primarjament biex jopponi l-iżvilupp fl-art verġni taż-Żonqor, saħaq li ma jagħmilx sens li qrib tant il-Park tal-Inwadar fl-inħawi jinbena parkeġġ daqshiex kif ukoll swali u faċiltajiet sportivi għall-istuddenti.
Enfasizza li b’hekk il-park se jintiliflu l-valur tiegħu bħala park rikreattiv, jekk ħdejh se tinbidel f’żona ta’ storbju u żvilupp.
Żoed jgħid li ma jagħmilx sens lanqas li l-Gvern iddeċieda riċentement li jikklassifika l-Inwadar bħala dominju pubbliku, meta passejn ’il bogħod qed jagħti art biex tiġi żviluppata.
Itemm jgħid li l-Front Ħarsien ODZ se jibqa’ jiġġieled dan l-iżvilupp bil-mezzi legali kollha li għandu.
Fir-ritratt: kif jiġi jidher iż-Żonqor jekk tinbena l-università