Il-Front Ħarsien ODZ jappella kontra l-bini ta’ vilel f’Ta’ Ċenċ

Il-Front Ħarsien ODZ qed jappella lill-Kunsill f’Ta’ Sannat biex joġġezzjona għall-iżvilupp proposta ta’ bini ta’ 15-il villa f’Ta’ Ċenċ.
Kien iċ-Ċerpersin tal-Front Michael Briguglio li għamel dan l-appell waqt laqgħa mas-Sezzjoni Kunsillieri tal-Partit Laburista.
Briguglio qal li dan il-proġett huwa ta’ ħsara kbira għall-ekoloġija u l-karatteristiċi naturali tal-lokalità.
Għamel referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn fejn il-Kunsillieri qalu li ma jaqblux mal-iżvilupp fiż-żona magħrufa bħala l-Ponta tal-Munxar iżda enfasizza li l-Kunsill kellu jopponi wkoll għall-iżvilupp fiż-Żonqor.
Michael Brigugio qal li l-Kunsillieri Laburisti kellhom jinsistu li tinstabu postijiet oħra alternattivi fejn tinbena l-Università Amerikana flok tinbena fiż-Żonqor.
Il-President tas-Sezzjoni Kunsillieri tal-Partit Laburista Mario Fava tkellem fuq il-ħtieġa li jkun hawn bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ambjent u miżuri li jsaħħu l-ekonomija.
Qal li t-tnejn huma meħtieġa għall-ġid tal-familji.
Mario Fava qal li l-Kunsilli Lokali qed isiru iżjed konxji mill-impatt ambjentali u saħaq fuq l-importanza li jkun hawn żvilupp sostenibbli.
Iż-żewġ naħat qablu li jistgħu jaħdmu flimkien fl-interess komuni.
Fil-ġranet li ġejjin, il-Front Ħarsien ODZ se jiltaqa’ wkoll mal-Partit Nazzjonalista.