Il-frekwenza tar-radju tal-Parlament se tinbidel għal 105.9FM

Il-frekwenza tar-radju li fuqha tiġi trasmessa s-seduta tal-Parlament se tinbidel minn 106.6FM għal 105.9FM.

Dan qalu l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia fil-ftuħ tas-seduta Parlamentari tal-lejla fejn poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ittra li bagħatlu ċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir.

F’din l-ittra, datata 7 ta’ Marzu, jingħad li l-frekwenza wżata bħalissa qed toħloq problemi għall-frekwenza li tintuża mill-Malta Air Traffic Control, u għalhekk se tinbidel il-frekwenza mogħtija lill-Parlament.

Għadu mhux magħruf minn meta x-xandiriet tas-seduti tal-Parlament se jgħaddu għall-frekwenza 105.9FM imma l-Ispeaker qal li l-Awtorità tax-Xandir se tkun qed tagħmel kampanja ta’ informazzjoni dwar dan.