​Il-Freeport bi vjaġġi ġodda lejn l-Indja

Il-Malta Freeport Terminals żiedet servizz ġdid ta’ kull ġimgħa li jorbot portijiet ewlenin fl-Indja, il-Pakistan, il-Mediterran tal-Lvant u l-Golf Għarbi.
Is-servizz, imsejjaħ ‘IndiaMed’, jitħaddem mit-tielet l-ikbar operatur tat-tbaħħir, CMA CGM u COSCO Shipping.
L-ewwel bastiment li se jservi din ir-rotta – il-Virginia tas-CMA CGM li tista’ ġġorr sa 5,100 kontejner – wasal fil-Freeport fil-jiem li għaddew.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals, Alex Montebello qal: “Dan is-servizz ġdid se jsaħħaħ aktar ir-rabtiet globali tal-Malta Freeport biex issa qed inservu 117-il port madwar id-dinja.
Spjega li din ir-rotta ġdida jistgħu igawdu minnha l-importaturi u l-esportaturi li għandhom opportunità ġdida għall-kummerċ tagħhom fi swieq ġodda.
Is-sena li għaddiet biss, il-Freeport ħadet ħsieb aktar minn tliet miljun kontejner u qed tkompli tinvesti f’apparat u teknoloġiji ġodda, biex isservi ta’ pjattaforma ewlenija għall-linji ta’ tbaħħir globali.
Fi stqarrija ġie spjegat li l-għan hu l-jitkompla l-investiment biex fis-snin li ġejjin ikunu jistgħu jingħataw servizz mal-4.5 miljun kontejner fis-sena.