“Il-free vote tajtu u l-PN ivvota unanimament favur il-ħajja” – Delia

Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-grupp parlamentari tiegħu ngħata l-vot ħieles (free vote) dwar l-emendi għal-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijun.
“Il-free vote tajtu u l-grupp tal-PN ivvota unanimament favur il-ħajja” sostna Delia waqt attività politika f’Ħ’Attard.
Delia qal li tkellem ma’ koppji li għandhom problimi ta’ infertilità. Żied jgħid li dawn fehmu li l-Gvern qed jipprova jużahom għal skop politiku minflok jara kif se jtejbilhom iċ-ċans li jkollhom familja.
Dalgħodu, Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien sorpriż dwar l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li suppost kellha vot ħieles.
Se nroddu lura l-flus li nsterqu mill-Maltin 
Skont Delia, il-mod kif saru l-kuntratti biex tinxtara l-enerġija f’Malta kien mod maħsub apposta biex ikun hemm ammont ta’ flus li jmorru għand ċertu kumpaniji.
Delia stieden lin-nies biex ikomplu jieħdu l-kontijiet tagħhom għand il-partit.
Delia fakkar fl-istudju li sar mill-partit tiegħu li sab li n-nies qed iħallsu aktar milli suppost.
Qal li bl-istess mod li l-PN qed jistieden lin-nies biex jersqu bil-kontijiet tad-dawl tagħhom, il-PN se jkun qed jagħmel l-istess ma' kull min ikollu xi problema differenti. Dan biex il-PN jipprova jkun ta’ għajnuna mill-Oppożizzjoni b’mod dirett jew inkella billi “jwassal lill-Gvern biex ma jarahomx bħala numri biss”.
Delia wiegħed li Gvern Nazzjonalisa se jkun qed “irodd lura kull Ewro li nsteraq mill-Maltin u Għawdxin”.
Fi kliem Delia, il-Gvern preżenti m’għandux skrupli u kapaċi jagħmel il-flus minn kollox.
Bejgħ tal-Isptarijiet
Dwar il-kawża li kien fetaħ dwar il-bejgħ tal-isptarijiet, Delia qal li l-Gvern qed jipprova jostakola l-każ. Qal li l-ewwel ma deherx il-Qorti u mbagħad ried jaqsam il-kawża f’biċċiet. Wara li l-Qorti ma aċċettatx din it-talba “appellaw għax ma kienux kuntenti”. Qal li ppreżenta dokument fejn jagħti rendikont dwar dak kollu li ġara fil-kwistjoni tal-Vitals.
Delia jżur lill-pulizija Simon Schembri
Delia ħabbar li mar iżur lill-pulizija Simon Schembri li kien ittajjar minn żagħżagħ ta’ 17-il sena.
Qal li huwa tal-mistħija li l-Gvern qed jipprova jdawwar “din it-traġedja f’xi ħaġa politika”. Qal li l-pulizija Maltin jirsistu kuljum minkejja li huma l-inqas imħallsin fl-Ewropa. Qal li Schembri għandu jiġi ttrattat ta’ eroj u kkompensat biex ma jkun jonqsu xejn.
€90 miljun fis-sena fil-bwiet tan-nies – PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li permezz tal-proġett tal-enerġija, il-Gvern qed jagħti €90 miljun fis-sena lill-familji u negozji Maltin.
Skont il-PL, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppruvat ixxekkel dan f’kull stadju.
Qal li hemm disa’ istituzzjonijiet internazzjonali fil-proġett.