Il-Foster Clark tgħin lil LifeCycle iħaffu l-istennija għal trapjant tal-kliewi

Il-Fondazzjoni LifeCycle se tkun qed tuża donazzjoni ta’ €25,000 minn Foster Clark sabiex tibda topera b’sistema li jkun fiha informazzjoni aċċessibbli lil dawk li qed jistennew kilwa.
B’dis-sistema ġdida jkun jista’ jitqabbel aħjar id-donatur ma’ min ikun qed jistenna l-organu, u b’hekk ma jinħeliex ħin u l-għażla tkun l-aqwa waħda għall-każ li jkun.
Barra minn hekk se jiġu wkoll megħjuna psikoloġikament dawk il-persuni li d-donaturi qraba tagħhom ikunu mietu.
“Il-ġlieda tagħna kontra l-problemi fil-kliewi se tibqa’ sostnuta fuq ir-riċerka, għax l-għerf huwa saħħa”, sostna l-Fundatur tal-LifeCycle Alan Curry.
Din hija d-19-il sena ta’ kampanji mill-fondazzjoni sabiex jinġabru flus għal dan il-għan, u dis-sena 16-il ċiklist se jaqdef minn 10 sa 12-il siegħa kuljum, minn Nairobi l-Kenja sa Dar Es Salaam fit-Tanżanija, 1,900 km b’kollox.
Il-Ministru għall-Ekonomija faħħar il-ġest ta’ Foster Clark, u inkuraġixxa negozji oħra jagħmlu bħalha.
Irrimarka li meta kumpanija tagħti lil fondazzjonijiet oħra għal għan nobbli, il-post tax-xogħol isir wieħed aħjar biex taħdem fih, il-ħaddiema jagħmlu aktar l-almu tagħhom u jħossuhom kburin jaħdmu għal kumpanija li għandha mġiba etika.