Il-Forzi Armati ta’ Malta b’applikazzjonijet għal suldati u kadetti ġodda

Il-Forzi Armati ta' Malta fetħu applikazzjonijiet għal rekluti ġodda li jixtiequ jsegwu karriera fil-Militar.
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ħabbar li t-taħriġ tar-reklutaġġi militari issa qed jiġu rikonoxxuti mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre bħala livell 3, fil-Qafas Malti tal-Kwalifiċi.
Apparti minn hekk, dan se jkun l-ewwel kors fejn it-taħriġ se jsir b’kollaborazzjoni mal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati.
Wara li kien hemm żewġ ingaġġi matul din is-sena, dis-sejħa se tassigura żewġ ingaġġi oħra ta' suldati regolari matul is-sena 2017.
Fil-preżent, 68 suldat rekluta, għadhom qegħdin isegwu kors intensiv ta’ formazzjoni mifrux fuq 14-il ġimgħa.
Dawk interessati li japplikaw għar-rwol ta’ suldat, iridu jgħaddu minn test fiżiku, eżami tal-kitba, intervista u eżami mediku filwaqt li dawk interessati li japplikaw għar-rwol ta' Uffiċjal Kadett jistgħu japplikaw jew għal Uffiċjal Kadett fuq l-art, fuq il-baħar, jew bħala piloti.
Il-kandidati li jgħaddu mill-proċess ta’ selezzjoni li hu maqsum fi 3 partijiet, iridu jsegwu 12 il-xahar ta’ taħriġ b’kollaborazzjoni mal-Akkademja għal Forzi Dixxiplinati u perjodu twil ta’ taħriġ intensiv f’Akkademji Militari barra minn Malta, qabel ma jilħqu Uffiċjali Kadetti.
L-applikazzjonijiet għaż-żewġ rwoli jistgħu jiġu sottomessi bejn nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru u t-12 ta’ Diċembru li ġej fl-Uffiċju ta’ Reklutaġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Barracks ta’ Ħal Luqa jew fiċ-Ċentru tal-Eżaminijiet, ir-Rabat Għawdex.