“Il-Forza Nazzjonali dejjem tikber, DeliaPN jiċkien bil-mumenti” – Marlene Farrugia

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, qalet li l-Forza Nazzjonali bħala idea qed tikber bil-ħin, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista taħt Adrian Delia, dak li sejħitlu “DeliaPN”, qed jiċkien bil-mumenti.
F’messaġġ bil-Facebook, Farrugia rreaġixxiet għall-mozzjoni li tressqet u ġiet approvata lbieraħ mill-Partit Nazzjonalista, li fiha ħa d-deċiżjoni li jtemm l-alleanza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, prattikament l-isfaxxament tal-Forza Nazzjonali li twaqqfet għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-mozzjoni tressqet quddiem l-Eżekuttiv tal-PN u ġiet approvata unanimament.
Sadanittant, Farrugia sostniet li d-deċiżjoni tal-PN ma tagħmilx sens għax ma tistax tħoll il-Forza Nazzjonali daqslikieku kienet xi kuċċarina zokkor.

Irrimarkat li Delia u sħabu għadhom ma fehmux li l-Forza Nazzjonali hu kunċett jew idea li ma tistax toqtolha.
Skont Farrugia l-Forza Nazzjonali ma tista’ titħallat qatt mat-tim ta’ Delia għar-raġunijiet deskritti “ovvji”, li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet irrappurtat fuq Delia.
Enfasizzat li l-Forza Nazzjonali trid tibqa’ taħdem fl-għaqda sabiex tipprovdi Oppożizzjoni waħda lill-Gvern, li sejħitlu “korrott”.
Temmet tgħid li l-PN hu parti mill-Forza Nazzjonali, iżda DeliaPN qatt ma kien.
“Jien skont il-liġi mal-PN. Politikament mal-PD, u storikament mal-Forza Nazzjonali”, saħqet Marlene Farrugia.