Il-Forum Ekonomiku Dinji se jfittex ix-xewqat komuni, minkejja dinja “mxaqqa”

It-tama li l-ġejjieni tal-umanità jkun wieħed maqsum imma qabel kollox għal kulħadd, minkejja d-dinja fratturata li hawn bħalissa, hi t-tema ewlenija tal-Forum Ekonomiku Dinji.
Id-WEF qed ilaqqa’ lill-influwenzaturi globali ewlenin, kemm fil-qasam politiku kif ukoll f’dak ekonomiku, f’Davos, l-Iżvizzera.
Il-pjan għal dan il-forum internazzjonali u ta’ ċerta importanza hu li dawn il-mexxejja jitkellmu dwar kif se jaħdmu aktar flimkien, u mhux għal rashom, sabiex jissolvew problemi li finalment huma ta’ kulħadd.
Aktar minn 2,500 mexxej mid-dinja tan-negozju, il-gvern, l-organizzazzjonijiet internazzjonali,  is-soċjetà ċivili, l-akkademja, il-midja u l-arti mistennija jattendu għall-konferenza li qed issir f’kumpless fl-Alpi.
Fi stqarrija d-WEF qalet li beħsiebha tpoġġi f’idejn dawn il-mexxejja l-prospettiva ta’ aġenda li tara lil min jieħu d-deċiżjonijiet jagħmel dan f’ambjent kollaborattiv u ta’ ħidma mal-mexxejja l-oħra, li jkun iqishom bħala sħabu fis-soluzzjonijiet għall-isfidi politiċi, soċjali u ekonomiċi tal-lum.
Dawn huma wħud mill-“fratturi”, kif użata mill-forum, jiġifieri xquq, fid-dinja tal-lum kif elenkati minnu;

  • Il-governanza politika qed tiġi trasformata minn narrattivi strateġiċi ġodda
  • Il-politika ekonomika qed issir tali mod li tippreżerva l-benefiċċji singulari tal-integrazzjoni globali, iżda mhix tindirizza d-dmirijiet tagħha li huma maqsuma minn kulħadd
  • Soċjalment iċ-ċittadini jixxenqu għal tmexxija li tindirizza t-tħassib lokali u nazzjonali, minkejja dan hemm identità u għanijiet kollettivi u maqsumin bejn kulħadd li qed jiqbgħu fid-dlam, minkejja ż-żmien diġitali li ninsabu fih

It-48 Laqgħa Annwali tal-Forum Ekonomiku Dinji se jimbotta biex dal-mexxejja mid-dinja kollha jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw narrattiva unifikanti li ttejjeb il-qagħda tad-dinja “fratturata”.
“Nemmnu li d-dinja hi aktar fratturata milli magħuda, u qed inlaqqgħu lil dawn il-mexxejja jinstabu għanijiet, xewqat u aspirazzjonijiet komuni. Imma dan ifisser li dawn i-mexxejja jridu jkunu onesti ma’ xulxin”, qal Lee Howell, il-Kap tal-Kordinazzjoni Globali fi ħdan id-WEF.
Fost il-mexxejja li se jkun hemm, hemm il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, il-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, u l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron.
Aktarx din l-idea ta’ ħsieb komuni mhix se ddoqq tajjeb ma’ Trump, li f’Davos aktarx se jiftaħar bil-perspettiva antiglobalizzata tiegħu u l-għajta “America First” li tela’ biha.