​Il-For.U.M. tipproponi inqas taxxi u trasport taħt l-art

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M) qed tipproponi li s-sħubija f’gyms u fi kliniċi tas-saħħa għandhom ikunu mingħajr taxxa, biex tippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħtu, u ’l quddiem titnaqqas l-ispiża fuq is-servizzi tas-saħħa.
Anke l-muturi fit-toroq għandhom ikunu mingħajr taxxa tat-triq, biex iktar nies jużaw muturi u jnaqqsu mill-konġestjoni u problemi ta’ parkeġġi.
Qed tipproponi wkoll li minflok jonfoq “ammonti kbar ta’ flus” biex jissussidja t-trasport pubbliku, il-Gvern għandu jikkunsidra bis-serjetà sistema effiċjenti ta’ trasport taħt l-art.
For.U.M. qalet li dawn huma wħud mill-proposti li llum se tkun qed tippreżenta lill-Ministru tal-Finanzi għall-Baġit 2015.
Filwaqt li esprimiet it-tama li l-Gvern jikkunsidra u jimplimenta s-suġġerimenti tagħha, il-konfederazzjoni qalet li llum tirrapreżenta 12-il unjin.