Il-For.U.M. jaqbeż għall-infermiera Għawdxin fid-diżgwid ma’ Steward

Read in English.

Il-Forum Unions Maltin (For.U.M.) wera t-tħassib tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta, li kienu fuq waiting list sabiex jaħdmu Għawdex, iżda minflokhom qed jiġu impjegati ħaddiema barranin minn Steward Healthcare biex jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fi stqarrija, il-For.U.M. sostna li l-listi ta’ senjorità huma prattika standard għall-ħaddiema Għawdxin u jassiguraw trasparenza u aġir ġust magħhom.

Il-Gvern, bħala mudell għal min iħaddem, għandu jżomm ma’ dawn il-listi u jirrispettahom, skont il-For.U.M., li l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) hija parti minnu. Il-Forum fakkar kemm ikollhom jaffaċċjaw diffikultajiet l-Għawdxin li jaħdmu Malta, peress li dawn ikollhom jew jitbiegħdu minn familthom, inkella jivvjaġġaw fit-tul ta’ kuljum.

Ilbieraħ, grupp ta’ infermiera Għawdxin inġabar quddiem Kastilja flimkien mal-MUMN sabiex jitolbu lill-Prim Ministru Robert Abela jintervjeni sabiex issir ġustizzja ma’ dawn l-infermiera. Ħafna minn dawn ilhom jaħdmu Malta għal snin twal, jistennew li jmiss lilhom li jiġu trasferiti lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Wara li l-MUMN ħadet azzjoni industrijali, il-kumpanija Steward talbet għal prohibitory injunction kontra l-azzjoni tal-MUMN. Steward qalet li l-Qorti laqgħet it-talba tagħha b’mod proviżjorju. Il-każ mistenni jinstema’ dan ix-xahar.