Il-foqra jsalvawna għax juruna Wiċċ Kristu

Il-Papa Franġisku jmexxi bl-eżempju: jiekol ma' grupp ta' foqra f'Ruma

Għalkemm il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Foqra fis-17 ta’ Novembru li ġej li tkun it-tielet sena minn meta beda jkun imfakkar dan il-Jum, kif saret drawwa, il-Papa Franġisku diġà ħareġ il-messaġġ tiegħu għal dan il-Jum biex il-Knisja madwar id-dinja tibda tipprepara fuq it-tema magħżula.

It-tema magħżula għal din is-sena, meħuda mill-Ktieb tas-Salmi hi: “It-Tama tal-fqir ma għandhiex tmut għal dejjem”. Dan il-kliem, qal Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu “jesprimi verità profonda li l-fidi tħalli effett fuq il-qlub tal-foqra, tagħti tama quddiem l-inġustizzja, it-tbatija u l-inċertezza fil-ħajja”.

Matul is-sekli dejjem kien hawn min hu sinjur u min hu fqir. Illum irridu nirrikonoxxu li jeżistu diversi forom ġodda ta’ rbit li qed jagħmlu skjavi lil miljuni ta’ rġiel, nisa, żgħażagħ u tfal.

Kuljum hemm familji li qed ikunu sfurzati jitilqu minn djarhom u jmorru jgħixu x’imkien ieħor; orfni li tilfu l-ġenituri jew kienu mifruda minnhom bil-forza; żgħażagħ li qed ifittxu l-milja professjonali tagħhom iżda ma jistgħux jagħmlu dan minħabba politika ekonomika żbaljat; vittmi ta’ diversi forom ta’ vjolenza; miljuni ta’ emigranti li huma vittmi ta’ interessi moħbija; u dawk kollha bla dar li jiġru fit-toroq tal-bliet tagħna.

Il-Papa Franġisku jistaqsi “Kemm il-darba naraw nies foqra ifittxu fil-laned taż-żibel biex jiġbru dak li nies oħra skartaw għax hu żejjed għalihom, bit-tama li jsibu xi ħaġa x’jieklu jew jilbsu? Huma nfushom isiru parti minn landa taż-żibel umana, huma meqjusa bħala skart, mingħajr ebda sens ta’ ħtija minn dawk li huma kompliċi f’dan l-iskandlu”.

Il-Foqra fl-Iskrittura

Fil-messaġġ il-Papa jdawwar l-attenzjoni tiegħu fuq l-Iskrittura u jenfasizza kif Alla l-ħin kollu jaħdemm fl-interess tal-foqra. “Ma nistgħux naħarbu l-appell urġenti tal-Iskrittura favur il-fqar”, jgħid Papa Franġisku.

Huwa jgħid li “is-sitwazzjoni tal-fqir iġġiegħlna nersqu aktar lejn il-Ġisem t’Alla li jsofri mal-fqar. Aħna msejħa biex immiss il-Ġisem tiegħu u nikkommettu ruħna personalment li noffru servizz fforma awtentika ta’ Evanġeliżazzjoni. Impenn lejn l-għjnuna lill-foqra, inkluż il-qagħda soċjali tagħhom, mhux estraneu għall-proklamazzjoni tal-Vanġelu. Anzi juri r-realtà tal-fidi nisranija u l-validità storika tagħh”.

Naħdmu għall-emarġinati

Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Foqra, il-Papa jsemmi żewġ persuni li f’ħajjithom ħadmu bla waqfien għal min hu żvantaġġjat. Hu kkwota saċerdot Tljan, Fr. Primo Mazzolari li jgħid: “Il-foqra huma protesta kontinwa kontra l-inġustizzja; il-foqra bomba li jekk tieħu d-dinja tisplodi”.

Isemmi wkoll li Jean Vanier li miet ġimgħatjen ilu, u qal li “grazzi għall-entusjażmu tiegħu ġabar madwaru numru kbir ta’ żgħażagħ li jaħdmu kuljum b’imħabba biex iġibu tbissima fuq wiċċ ħafna persuni vulnerabbli u jeħilsuhom mis-solitudni u l-emarġinazzjoni”.

Xhieda tat-tama

Il-Papa jenfasizza li “l-għażla għal dawk li huma l-anqas, li s-soċjetà twarrabhom, hi prijorità għal min irid jimxi wara Kristu biex il-Knisja tibqa’ kredibbli u jagħtu tama vera lil ħafna minn ħutna vulnerabbli”.

“Mhux faċli tagħti xhieda ta’ tama nisranija f’kuntest ta’ kultura konsumista, kultura ta’ ħala li ħsiebha biss li xxerred sens ta’ ġid effimeru.  Li hemm bżonn hoi bidli fil-mentalità biex niskopru mill-ġdid dak li hu essenzjali u nagħtu sustanza l-predikazzjoni tas-Saltna t’Alla”, jgħid il-Papa.

Papa Franġisku qal li għalkemm il-foqra għandhom bżonn affarijiet bħalma huma lbies u ikla sħuna, l-aktar li għandhom bżonn hi l-imħabba. “Fil-qalb tal-Poplu t’Alla hemm tħabbat il-forza li ma teskludi lil ħadd u tinvolvi lil kulħadd fi vjaġġ veru ta’ konversjoni biex nagħrfu u nħossu lil min hu fqir”.

Imbierka l-foqra

“Alla għażel dak li hu dgħajjef fid-dinji biex iġiegħel jistħu lil dawk li huma b’saħħithom”, qal il-Papa. “Il-foqra jsalvawna għax jgħinunha niltaqgħu mal-Wiċċ ta’ Kristu”.

Il-Messaġġ itemm jgħid li, “Jekk id-dixxipli ta’ Ġesù jridu jkunu evanġelizatturi ġenwini, irid jiżirgħu żerriegħa ta’ tama tanġibbli”. Il-Papa jitlob lill-komunitajiet insara u lil dawk kollha li jridu joffru tama u konsolazzjoni lill-fqar biex “Jgħinu biex Jum il-Foqra ta’ din is-sena jinkoraġixxi aktar u aktar nies biex jikkooperaw b’mod effettiv biex ħadd ma jħossu mċaħħa mill-imħabba u s-solidarjetà”.