Aġġornata: “Mhux veru li l-foqra spiċċaw Monte Karmeli” – Il-Gvern

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li mhux l-ewwel darba li jkun hemm każ diffiċli fejn ix-shelter homes ikunu mimlijin u n-nies bla saqaf fuq rashom jispiċċaw f’istituzzjonijiet oħra bħal Monte Karmeli. Minn naħa tiegħu, l-Gvern sostna li dan mhux veru.

Delia qal dan waqt żjara li għamel f’Dar Niki Cassar li jieħdu ħsiebha l-YMCA. B’kollox f’din id-dar hemm 30 resident u Delia qassam hamper lil kull persuna.

Minn naħa tiegħu, il-Gvern qal li bħalissa pazjenti li jistgħu jgħixu fil-komunità qed jiġu trasferiti barra minn Monte Karmeli. Spjega li diġà ġew trasferiti madwar 150 pazjent. Ikkonkluda billi qal li mhux sew li l-pazjenti bi sfidi mentali jiġu użati għal skop politiku partiġġjan.

“Li tkun bla saqaf fuq rasek hi trawma psikoloġika”

Delia qal li tkun bla saqaf fuq rasek hi trawma psikoloġika u tmur kontra d-dritt fundamentali tal-bniedem. Żied li l-faqar jinsab mifrux fis-soċjetà fost taqsimiet differenti. Hu rringrazzja l-għaqdiet mhux governattivi li joffru kenn għal min m’għandux saqaf fuq rasu u l-bqija tal-għaqdiet li jaħdmu mal-batut fis-soċjetà.

Skont stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista f’Malta hawn aktar minn 78,000 persuna li qegħda f’riskju ta’ faqar. Aktar minn 36,000 m’għandhomx biżżejjed flus biex iżommu d-dar sħuna fi-xitwa aktar minn 27,000 persuna ma jaffordjawx li jieklu l-laħam, tiġieġ jew ħut, u aktar minn 12,000 ma jistgħux iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew is-self mal-banek.

Delia spjega kif dan kollu juri li għalkemm il-Gvern baqa’ jiftaħar bis-surplus, il-ġid li qed jinħoloq mhux jitqassam għand kulħadd. Hu saħaq li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed iħossu morsa doppja fejn min-naħa l-pagi baqgħu baxxi u min-naħa l-oħra l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali qed dejjem jiżdiedu. Hu qal li din hi sitwazzjoni fejn lanqas il-middle class mhi tlaħħaq.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Nazzjonalista jisħaq li għad hawn bżonn ta’ aktar miżuri preventivi b’mod partikolari ta’ politika nazzjonali, strateġija li sservi biex tidentifika l-ewwel sinjali ta’ meta persuna għandha tiġi mgħejuna b’mod immedjat.

Delia għandu jieqaf juri wiċċ b’ieħor – Il-Partit Laburista

Il-Partit Laburista (PL) qal li Delia għandu jieqaf juri wiċċ b’ieħor billi jitkellem mod fil-preżenza ta’ NGOs u mod ieħor fl-assenza tagħhom. Il-PL żied jgħid li jekk Delia jrid tassew jelimina l-faqar, għandu jappoġġja l-protezzjoni bażika pprovduta mil-liġi tal-kera li qed tiġi proposta mill-Gvern minflok jivvota kontriha.