“Il-fondi li namministraw huma biss għall-ħidma tal-awtorità” – L-MFSA

MFSA

Read in English.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) qalet li l-fondi li tamministra hi huma biss biex tiffunzjona u topera l-awtorità. Dan qalitu b’risposta għall-ittra ġudizzjarja li ppreżenta direttur fl-MFSA. Din l-ittra qalet li uffiċjal tal-kumpanija ġie “inkoraġġut” jieħu l-iskema ta’ rtirar kmieni u jitħallas €150,000. Iżda ftit taż-żmien wara reġa’ ngħata l-istess pożizzjoni li kellu.

Fi stqarrija, l-MFSA qalet li qed tirrikonoxxi l-ittra ġudizzjarja li ppreżenta Joe Brincat, direttur fl-MFSA. Huwa ppreżenta ittra uffiċjali lill-qorti kontra l-Kap Eżekuttiv tal-istess awtorità, Joseph Cuschieri.

Aqra: Aġġornata: Direttur tal-MFSA jwissi lill-Kap Eżekuttiv dwar it-tqassim tal-flus

L-Awtorità spjegat li ma tarax li hu xieraq li tikkummenta pubblikament dwar l-affarijiet li semma Brincat fl-ittra tiegħu. Però, qalet li l-fondi li tieħu ħsieb hi jintużaw biss biex tiffunzjona l-MFSA.

Brincat fl-ittra tiegħu pprotesta li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għamel “golden handshake”. Qal li dan għamlu meta offra lil uffiċjal tal-kumpanija flus il-poplu.