“Il-fondi għall-infrastruttura tat-trasport fl-UE l-aktar li jidhru” – Sant

L-Ewroparlamentari Laburista, Alfred Sant, qal li l-fondi tal-Unjoni Ewropea ddedikati għall-infrastruttura tat-trasport huma l-iktar strument viżibbli ta’ fondi Ewropej.
Irrimarka dan fid-dawl tat-tnaqqis fil-baġit Ewropew għas-seba’ snin li jmiss.
Huwa u jikkummenta wara li vvota favur rapport dwar il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-tneħħija tal-konġestjoni tat-traffiku f’networks prinċipali fl-UE, Sant qal li l-għajnuna diretta lejn il-forom kollha tat-trasport pubbliku tibqa’ essenzjali.
Bħalissa, il-konġestjoni taffettwa kemm it-traffiku fit-toroq kif ukoll tal-ajru u tiswa lill-Ewropa madwar 1% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD).
“Ivvutajt favur din ir-riżoluzzjoni għax tinkoraġġixxi politika bżonnjuża ta’ network integrat tat-trasport, li tippermetti lin-nies u l-merkanzija jivvjaġġaw faċilment bejn ir-reġjuni differenti tal-UE. Aktar minn hekk, tenfasizza investiment integrat fl-infrastruttura tat-trasport bażiku f’żoni remoti u b’nuqqas ta’ aċċessibilità”, sostna l-MEP.
Temm jirrimarka li mingħajr miżuri ġusti, it-traffiku se jiżdied aktar, u li l-konġestjoni qed ikollha impatt negattiv kemm fuq il-produzzjoni ekonomika, u anki fuq saħħet il-bniedem.
Ir-rapport imsemmi għadda b’475 vot favur, 153 kontra u 22 astenzjoni.