Il-Fondazzjoni Youth Alive ta’ Marsaskala tieħu l-Premju Żagħżugħ tas-Sena

Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena tal-Moviment Kerygma ingħata lill-Fondazzjoni Youth Alive ta’ Marsaskala.
Din kienet twaqqfet fl-1996 minn għadd ta’ volontiera żgħażagħ bil-għan li jagħtu formazzjoni tajba dwar il-Kelma t’Alla u l-ispirtwalità Franġiskana waqt li jgħinu liż-żgħażagħ li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom.
Kien f’Awwissu tal-2007 meta l-Fondazzjoni Youth Alive ta’ Marsaskala ngħatat bħala donazzjoni “Dar Frate Jacoba” f’Marsaskala stess, li hija dar b’razzett li għandha aktar minn mitejn sena.
Il-pilastri ewlenin tal-Fondazzjoni Youth Alive huma l-ispiritwalità, l-karità u l-ambjent. Għadd ta’ residenti jgħixu f’komunità miftuħa f’dik li hija l-unika dar f’Malta li toffri dawn it-tliet elementi fl-istess ħin u b’mod sostenibbli.
Din id-dar tilqa’ fiha żgħażagħ li jkunu għaddejjin minn żmenijiet diffiċli fil-ħajja fosthom każijiet soċjali fejn lanqas ikollhom saqaf fuq rashom.
Grupp ieħor ta’ żgħażagħ jattendi għal sessjonijiet f’din id-dar għal numru ta’ sigħat fil-ġimgħa.
Bħalissa din il-Fondazzjoni qed tieħu ħsieb ħames żgħażagħ li għandhom bejn il-11u s-17-il sena. Madankollu billi d-domanda għal dawn is-servizzi qed tikber, qed isiru xogħlijiet biex din tibda takkomoda sa 16-il persuna.
Dan il-proġett se jiswa madwar €200,000 u s-somma tinġabar permezz ta’ attivitajiet li jiġu organizzati mill-istess fondazzjoni.
Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena jingħata kull sena biex titfakkar il-memorja ta’ Dr Rudolph Saliba, li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerygma.
Il-Fondazzjoni Youth Alive ta’ Marsaskala ngħatat dan il-premju mis-sur Edgar Preca f’isem il-President ta’ Malta.