Il-Fondazzjoni Wirt Artna u l-Bank of Valletta jestendu l-kollaborazzjoni

Il-Bank of Valletta estenda l-ftehim ta’ kollaborazzjoni tiegħu mal-Fondazzjoni Wirt Artna (FWA), il-fondazzjoni tal-patrimonju kulturali li l-għan prinċipali tagħha huwa li toħloq sensibilizzazzjoni u tinkoraġġixxi fehim aħjar tal-wirt kulturali ta’ Malta.
Charles Azzopardi, Kap tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta ltaqa’ ma’ Mario Farrugia, il-President tal-Fondazzjoni Wirt Artna, f’Notre Dame Gate (magħruf bħala Bieb is-Sultan) f’Ħaż-Żabbar, l-Uffiċċju Prinċipali tal-Fondazzjoni u wieħed mis-siti tal-Fondazzjoni.
“Din is-sena qed jitfakkar l-10 anniversarju minn meta l-BOV u l-FWA għall-ewwel darba daħlu f’din is-sħubija korporattiva. Matul dan id-deċennju, diversi siti ewlenin, bħal Forti Rinella u l-Malta at War Museum ġew trasformati minn stat ta’ negliġenza għal attrazzjonijiet turistiċi u storiċi ewlenin fil-gżejjer Maltin,” spjega Charles Azzopardi. “Il-Bank jikkondividi l-filosofija tal-Fondazzjoni li l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni huwa tal-inqas importanti daqs il-passi li jittieħdu biex jiġi kkonservat il-passat, bħalma jidher evidenti permezz tal-programm Hands-on-Heritage u l-isforz tal-Fondazzjoni biex tilħaq aktar nies permezz tas-siti tagħha kif ukoll permezz tal-mezzi tal-midja soċjali tagħha.”
“Il-Fondazzjoni Wirt Artna tiddependi fuq il-ġenerożità tal-benefatturi biex twettaq il-missjoni tagħha u tkompli taħdem għall-preservazzjoni ta’ siti u artefatti storiċi,” qal is-Sur Farrugia. “L-appoġġ tal-Bank of Valletta matul is-snin ippermettilna nlestu numru ta’ proġetti kif ukoll nippjanaw għall-proġetti li jmiss bħat-tlestija tar-restawr tal-Batterija tal-Mistra fil-Mellieħa, il-ftuħ tal-kumpless tal-mini ta’ taħt l-art mhux komplut ta’ żmien il-gwerra taħt il-Belt Valletta, it-tlestija tal-Proġett War H.Q. fil-Belt Valletta, il-ftuħ tal-Mużew il-ġdid tal-Batterija tas-Salut f’Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta u r-rikostruzzjoni tal-parti mekkanika tal-Forti Rinella fil-Kalkara.”