Il-Fondazzjoni St Jeanne Antide Foundation tikkollabora ma’ Cool biex twassal ikel lil familji fil-bżonn

Read in English.

Matul il-kriżi tal-Covid-19, il-Fondazzjoni St Jeanne Antide (SJAF) kienet ferm attiva biex tgħin individwi u familji vulnerabbli li sabu ruħhom f’diffikultajiet. Għenithom b’firxa ta’ miżuri inkluż Social Workers biex jgħinuhom jippjanaw aħjar kif se jsibu soluzzjonijiet għad-diffikultajiet, aċċess għal prodotti ta’ iġjene personali u tad-dar, kif ukoll bit-tisjir ta’ ikliet u t-twassil ta’ pakketti ta’ ikel fid-djar.

Fid-dawl taż-żieda ta’ talbiet għall-għajnuna matul dawn ix-xhur diffiċli, il-Fondazzjoni talbet għajnuna mill-intapriżi privati biex tkun tista’ twasslilhom affarijiet essenzjali. Cool, il-kumpanija ta’ ride-pooling, wieġbet b’mod pożittiv u immedjat għal din it-talba tal-Fondazzjoni biex twassal pakketti tal-ikel lill-familji fil-bżonn.

Din l-assistenza kienet kruċjali għall-Fondazzjoni fid-dawl li, fl-aħħar xhur tal-pandemija, il-persunal ħadem b’mod remot. Il-parti l-kbira tal-voluntiera li qed jgħinu lil dawn il-familji sabu ruħhom bit-tfal id-dar jew ġenituri anzjani x’jieħdu ħsieb, u f’ċertu każijiet huma anzjani huma nfushom u għalhekk kienu jaqgħu fil-kategorija tal-vulnerabbli.

Nora Macelli, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni qalet: “Il-bidliet mhux mistennija fiċ-ċirkostanzi ta’ ħafna familji ikkaġunaw problemi finanzjarji kbar, nuqqas ta’ sigurtà u stabbilità u diffikultajiet emozjonali. Bħala NGO, il-Fondazzjoni tfittex alleanzi ma’ kumpaniji li, bħala parti mill-politika ta’ responsabbiltà soċjali tagħhom, jgħinuna nappoġġjaw lil dawk il-persuni u familji li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar. Aħna grati lejn kumpaniji bħal Cool u l-impjegati tagħhom għall-għajnuna li tawna, għajnuna li waslet meta l-aktar kellna bżonn”. Laura Jasenaite, il-Kap Eżekuttiv ta’ Cool żiedet: “Il-ġlieda kontra l-pandemija ma kinitx biss kwistjoni ta’ saħħa; kien hemm bżonn ukoll li jkun żgurat li ħadd ma jibqa’ lura f’dawn iż-żminijiet bla precedent. Aħna kburin li nservu l-komunità li noperaw fiha u għalhekk konna entużjasti li ngħinu lill-persunal u t-tim ta’ voluntiera tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide. Permezz ta’ din ir-relazzjoni tgħallimna ħafna dwar ix-xogħol inkredibbli li din l-organizzazzjoni tagħmel fil-komunità, ħafna drabi fis-skiet, u għalhekk nistieden lill-pubbliku u kumpaniji oħrajn biex jappoġġjawhom b’kwalunkwe mod li jistgħu”.

Dan it-tagħrif twassal mis-St Jeanne Antide Foundation.