Il-Fondazzjoni Richmond tappoġġja l-kampanja “Addotta Nanna”

Pixabay

Read in English.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephania Dimech Sant, iddeskriviet bħala pożittiva ħafna l-kampanja ‘Adotta Nannu jew Nanna’ li tnediet minn Missio Malta u Newsbook.com.mt. Dan l-appoġġ mill-ikbar NGO fis-settur tas-saħħa mentali jsegwi l-appoġġ għal din il-kampanja mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi.

Dimech Sant kienet qed titkellem fuq l-istazzjon tar-radju 103 fejn spjegat ir-riżultati tar-riċerka estensiva li għamlet il-Fondazzjoni, biex tifhem l-effetti tal-pandemija tal-coronavirus fuq is-saħħa mentali tal-Maltin. Saħqet li filwaqt li l-attitudni ġenerali hi li din il-pandemija tgħaddi bħalma għaddew kriżijiet oħra qabilha, fost iż-żgħażagħ qed toħloq ċertu dieqa.

Madanakollu, qalet li mhux l-anzjani kollha jistgħu jitpoġġew fi grupp wieħed, għax hemm ħafna anzjani li qed ibatu mis-solitudni. Fissret li dan jirriżulta kemm mir-riċerka kif ukoll mit-telefonati li jirċievu ta’ kuljum fuq il-helpline 1770, li hu disponibbli 24 siegħa kuljum.

Din l-inizjattiva għandha tgħin ħafna lill-anzjani li m’għandhomx qraba li jistgħu jieħdu ħsiebhom, fost l-oħrajn permezz ta’ komunikazzjoni minn min ‘jaddottahom’. “Din hija inizjattiva li se tħalli l-frott”, stqarret il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond.

“Għin lil dawk li għandhom bżonn l-imħabba”

Robert Farrugia mill-Missio Malta qal li din il-kampanja tipprovdi pont bejn dawk li jridu jaqsmu l-imħabba tagħhom mal-oħrajn u dawk, li għandhom bżonn min ikellimhom u min jurihom li jħobbhom.

Żied jgħid li din l-inizjattiva “mhix immirata għal affarijiet materjali, imma wens għal dawk waħedhom u sodisfazzjon għall-persuni li jgħinuhom – kemm jekk ikunu familji, tfal, adulti jew komunitajiet”.

“Missio sodisfatta ħafna li ngħaqadna f’din l-inizjattiva ma’ Newsbook.com.mt, wieħed mis-siti tal-aħbarijiet ewlenin f’Malta”, stqarr Farrugia, filwaqt li esprima t-tama li din is-sħubija toffri raġġ ta’ dawl fil-ħajjiet ta’ persuni li jinsabu waħedhom.

Għal aktar informazzjoni jew biex tirreġistra tista’ ċċempel fuq 21222001 jew tidħol fuq www.adoptgrandparent.org.